Saturday, January 31, 2009

Intervista mal-poeta zaghzugh Andrew Sciberras


(1) X’igaghlek tikteb il-poezija? Kif tiddeskrivi lil poeta? Il-poeta ghandu responsabbiltajiet fis-socjeta`?

Għalija li nikteb il-poeżija huwa bżonn. Jiġu waqtiet f’ħajti li ma nkunx nista’ nrażżan lili nnifsi u bilfors ikolli naqbad f’idejja karta u pinna biex nikteb l-eqqel emozzjonijiet. Fil-fehma tiegħi l-akbar poeta hu Alla, u l-kapolavur tiegħu huwa l-univers. Kull ħlejqa taħt il-kappa tax-xemx trid iġġarrab xi forma jew oħra ta’ tbatija, u dan hu l-misteru tal-eżistenza. Għalhekk il-poeżija tinkiteb biss bid-demm. Jien nemmen li l-poeta ma jistax jibqa’ indifferenti quddiem it-tbatija. Huwa għandu jkun il-leħen ta’ dawk kollha li qed ibatu fis-silenzju. Kellna u għad għandna poeti li għax kitbu kontra kull forma ta’ inġustizzja, batew u għadhom qed ibatu f’ħajjithom. Il-versi tagħhom huma bħal stallett li jferi fil-laħam il-ħaj.

(2) Mill-Ezilju ta’ Ruhi hi r-raba’ antologija poetika li qed tippubblika. Kif twieldet fik din il-kilba biex tikteb il-poezija?

Bdejt inħarbex l-ewwel versi tiegħi meta kont għadni żagħżugħ. Kien il-mibki poeta Carmel Attard li wara li kont urejtu xi xogħol tiegħi kien ħeġġiġni biex nippubblikah. Illum għall-grazzja t’Alla ppubblikajt ir-raba’ antoloġija tiegħi.

(3) Din l-ahhar gabra poetika tieghek kif tvarja minn dawk ta’ qabilha? Hemm sens ta’ kontinwita`?

Bħalma l-ħajja hija vjaġġ li għandha l-proċess naturali tagħha, anki l-poeżija taqa’ taħt dawn l-istess regoli. Il-kontinwità tinsab f’kull ħaġa li titħarrek.

(4) Il-poezija tieghek ixxaqleb lejn il-kumpless u tirrikjedi bagalja kulturali wiesgha biex tinftiehem. Xi tghid dwar dan u x’tahseb dwar il-poezija semplici u diretta?

Dan l-element duwalista tal-kumpless u s-sempliċi mhuwa xejn għajr munita b’żewġt uċuħ. Ħu l-ħajja tal-bniedem, tevolvi mis-sempliċità u timxi lejn il-kumplessità, u finalment, terġa’ lura lejn is-sempliċità. Ċiklu interminabbli li kull essri jrid iġarrab.
Kull forma t’arti fosthom il-poeżija tidħol f’dan il-kwadru, li hu suġġett ta’ din il-liġi naturali.

(5) Inti temmen fil-kitba tal-poezija bhala espressjoni artistika biss, jew thoss li ghandha ggorr fiha messagg ta’ xi tip?

Il-kittieb qed jgħix f’epoka li irrevokabbilment huwa suġġett għaliha. Jekk toqgħod tqis, tintebaħ li hija insinifikanti meta tpoġġiha f’dan l-univers tant vast u fl-istess ħin misterjuż. Kif għidt l-ewwel il-poeta għandu jkun il-leħen ta’ dawk kollha li qed ibatu fis-silenzju, u mhux qed neskludi l-annimali. Fl-annimali Alla ħalla l-marka tiegħu li mhi xejn għajr l-imħabba. Wieħed mir-rwoli tal-poeta hu li bi vrusu għandu jwassal messaġġ ta’ ġustizzja soċjali. Il-poeta għandu jkun il-politiku li mhux f’partit politiku. Fuq kollox nemmen li jekk kittieb – bniedem ma jafx għeruqu, la jaf fejn qiegħed u wisq anqas triqtu. Sfortunatament, ħafna Maltin ma jafux għeruqhom u għalhekk jinsabu fi sqaq mudlam.

(6) Xi tghid dwar il-qasam tal-poezija hawn Malta? U x’tahseb dwar l-Ghaqdiet tal-Malti?

Wasal iż-żmien li l-klikek jinqatgħu darba għal dejjem. Xi wħud jaħsbu li huma omnipotenti u omnisapjenti. Għandna għaqdiet li qed jaħdmu għal rashom. L-awturi jridu jaħdmu flimkien u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom jekk veru rridu li l-letteratura tagħna tkompli tistagħna. Wasal il-waqt li xi ħadd jieħu l-inizjattiva li joħloq forum letterarju fuq l-internet fejn il-kittieba jkunu jistgħu jaqsmu xogħlijiethom u jwasslu l-letteratura lil dawk li jużaw dan is-servizz. Naħseb li tkun idea tajba li jinfetaħ post fejn il-kittieba jkunu jistgħu jiltaqgħu bejniethom. F’dan il-post għandu jkun hemm għad-dispożizzjoni dawk il-kotba li ġew ippubblikati biex jintużaw mill-kittieba u mill-pubbliku. Imma l-aktar ħaga importanti hi li nagħtu aktar spazju lill-kittieba żgħażagħ jekk irridu nkomplu nseddqu l-letteratura Maltija.


(7) Fl-antologiji poetici tieghek dejjem tinkludi ghadd ta’ ritratti ta’ certu livell estetiku. Ghaliex dan?

Kull forma t’arti tista’ tippenetra sal-ibgħad irkejjen ta’ ruħ il-bniedem, u dan huwa aktar minn biżżejjed. Jien nemmen li kull forma t’arti toħroġ mill-istess sors, bħal meta għandek siġra bi zkuk differenti, u hawnhekk qed nitkellem fuq ruħ il-bniedem. Id-differenza tinsab biss fil-medjum li juża l-artist. Wasalna fl-assurdità li rridu nippremjaw il-poeżija, imma dan il-fattur ma jissorprendini xejn għax is-sistema qed tħaddan dawn il-kriterji għal bosta raġunijiet. Hekk kif barri jinqatel naqra naqra mill-matador, dan qed jiġri lil ruħ il-bniedem.

(8) Xi tghid dwar l-originalita` fuq naha u l-influwenzi diretti jew indiretti ta’ poeti ohrajn li jixirfu fil-versi ta’ min jikteb fuq in-naha l-ohra, fil-qasam tal-poezija?

Kif għidt l-ewwel taħt il-kappa tax-xemx m’hawn xejn ġdid. Biex nagħti eżempju jien u kittieba bikrija ktibna f’epoka u f’kuntest soċjo-politiku differenti. Rajna d-dinja mil-lenti tagħna, sawwarna kitbietna fuq dak kollu li qanqalna u influwenzana, u wzajna l-għodod li kellna għad-dispożizzjoni. Imma jekk tifli sew taħt il-qoxra, tintebaħ li l-bniedem-poeta tal-bieraħ u tal-lum baqa’ dak li jaħseb, iħoss u jġarrab. Iż-żmien ma neżżagħlux il-libsa tal-umanità tiegħu. Il-bniedem baqa’ bniedem.

No comments: