Thursday, December 31, 2009

ALTE VESTIGA - Rumanz ta' Anton Sammut

ALTE VESTIGA ta’ Anton Sammut (2008) -
Studju ta' Patrick Sammut

Strutturalment Alte Vestiga huwa rumanz li jifrex fuq 461 paġna, u li jinqasam f’erba’ partijiet ewlenin. Temporalment ikopri seklu sħiħ: l-ewwel parti tkopri s-snin 1890-1900; it-tieni parti 1900-1920; it-tielet parti 1927-1944; l-aħħar parti 1963- 1990. L-ambjent ewlieni huwa dak tal-Bavarja, fil-Ġermanja. Il-qarrej jgħix flimkien mal-personaġġi li joħloq Anton Sammut avvenimenti kbar bħalma huma l-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija, u aktar tard il-bidla li ġabu magħhom is-snin 60 tas-seklu 20.

Ir-ritmu ta’ Alte Vestiga jintrabat anki mal-alternanza bejn partijiet deskrittivi marbutin ma’ spazji u perijodi storiċi, oħrajn riflessivi marbutin ma’ movimenti u personaġġi artistiċi, filosofiċi, spiritwali u l-bqija. Hemm ukoll partijiet mimlijin azzjoni u hawn jidħlu elementi bħall-istennija jew ix-xokk. Meta l-qarrej jaħseb li l-materjal narrattiv spiċċa jew tilef minn saħħtu, Sammut jintroduċi b’mod naturali personaġġi ġodda fl-iżvolġiment tal-azzjoni. Rumanz massiċċ bħal dan għandu Daħla ta’ Oliver Friggieri, Introduzzjoni ta’ Kenneth Wain, u Riflessjoni aħħarija ta’ Peter Serracino Inglott.

Personaġġi:

Anton Sammut isaħħaħ l-azzjoni tar-rumanz tiegħu b’numru mdaqqas ta’ personaġġi differenti, li mhumiex biss maskili, imma anki femminili. Flimkien jirriflettu l-ġlieda bejn il-ħażin u t-tajjeb, il-vizzji u l-virtù, il-vendetta u l-maħfra, imma anki temi bħalma huma d-Destin, Alla, ir-rwol tal-Knisja fid-dinja, it-tagħlim ta’ Kristu, il-ħajja u l-mewt, it-tbatija u s-sopravvivenza.

II-personaġġi f’Alte Vestiga ġejjin minn klassijiet soċjali differenti, u huma sorijiet u qassisin, intellettwali, politiċi, studenti, universitari, militari, maġġordomi, bidilli, Lhud u l-bqija.

Lingwaġġ:

Fuq naħa dak li jħaddem Anton Sammut huwa lingwaġġ dinamiku, flessibbli; fuq l-oħra naqraw b’doża qawwija ta’ Malti Taljanizzat (li aktar jintuża fil-kuntest taċ-ċrieki kulturali) meta faċilment seta’ jintuża kliem ta’ nisel Semitiku u li jintuża fid-diskors ta’ kuljum. Imma dan jindika wkoll li l-qarrej ta’ Alte Vestiga jeħtieġ li jkollu bagalja kulturali mdaqqsa, jekk mhux vasta, biex japprezzah sewwa. Niltaqgħu ma’ għadd kbir ta’ riferimenti għal persunaġġi (fosthom pitturi, kittieba, mużiċisti, ħassieba) li ħallew il-marka taghħom fuq il-kultura u l-istorja dinjija. Il-lingwaġġ użat minn Anton Sammut huwa wkoll mera tal-kuntest Ewropew li Malta bdiet tagħmel parti minnu uffiċjalment minn Mejju tal-2004, għalkemm l-għeruq Ewropej imorru lura sekli sħaħ.

Jista’ jinħass li ċerti partijiet huma wisq profondi, twal u kumplessi mill-perspettiva ta’ ħsieb. Dan ifakkarni f’silta li ltqajt magħha f’Alte Vestiga, fejn jingħad li, “xogħol letterarju għandu jiġi indirizzat biss lil dawk li jafu jsaqsu l-mistoqsijiet. Naf li dawn huma ftit, iżda Teo jrid iżomm quddiem għajnejh li n-nies komuni għandhom biżżejjed imbarazz x’jaqraw.” (p. 428)

Ambjenti:

Il-varjetà tal-ambjenti hija aspett ieħor li jgħin biex dan ir-rumanz jinħass ritmikament mexxej. Apparti l-Ġermanja, aktar tard fl-istorja xi personaġġi jżuru pajjiżi bħalma huma Franza, l-Italja u anki Malta. Hija interessanti kif il-kittieb Malti bħal jestranja ruħu mill-pajjiż li fih twieled biex permezz tal-personaġġi mistħajla li ħalaq iħares lejn art twelidu mil-lenti ta’ barrani li qed jara lill-gżejjer tagħna għall-ewwel darba f’ħajtu.

Minn perspettiva iċken, fost l-ambjenti li fihom tiżvolġi l-azzjoni tar-rumanz, għandna l-villaġġ (’il bogħod mill-kurrenti ewlenin tal-Istorja), l-università, l-orfanatrofju, il-kamp tal-konċentrament, il-ħanut tax-xorb, il-kunvent, il-knisja jew is-sagristija, is-sala fejn isseħħ il-festa, il-bosk u x-xmara, id-diskoteka, u l-bqija.

Tematika:

Bosta jistaqsu xi tfisser “Alte Vestiga”. It-tifsira jipprovdihielna l-awtur stess mill-bidu nett. Hija terminu Grieg li jfisser “fittex fil-fond”. Dan huwa għalhekk rumanz ta’ tiftix: tal-verità, tal-ideal, ta’ tweġibiet għal bosta mistoqsijiet ta’ natura eżistenzjali u anki spiritwali. Din it-tiftixa jagħmilha l-ħin kollu Anton Sammut, imma jilbes jew jieħu s-suriet differenti tal-personaġġi li joħloq b’karattri u perspettivi ideoloġiċi differenti u drabi oħra opposti u kuntrastanti. Hija fuq kollox tiftixa li l-bniedem irid jagħmel ġewwa fih u anki billi jħares lura lejn l-imgħoddi, lejn l-esperjenzi li l-umanità ġarrbet matul is-sekli twal li ilha teżisti. U dan donnu bħala tweġiba jew tagħlima għal dawk li jaħsbu li l-istorja tal-umanità bdiet bihom, bla xejn u ħadd qatt ma eżista qabilhom.

Hemm b’hekk il-ġlieda kontinwa bejn il-qalb u l-moħħ, il-fidi u r-raġuni, l-ispirtu u l-materjali. Waħda mill-mistoqsijiet li l-qarrej ta’ Alte Vestiga huwa mistieden jistaqsi hija, “Il-ħajja hija verament assurda, jew wara din l-assurdità apparenti hemm pjan divin li ebda bniedem ma jista’ jifhem?” Spiss titħaddem il-manjiera dijaloġika li kienet għal qalb ħafna Sokrate. Bosta drabi niltaqgħu wkoll ma’ riferimenti diretti jew indiretti għall-figura ta’ Kristu fuq naħa, u ta’ Nietzsche fuq l-oħra.

Alte Vestiga jieħu wkoll il-forma ta’ vjaġġ ġewwieni f-iktar irkejjen mistura tal-qalb u tal-intellett, u vjaġġ estern, anki matul bliet u rħula mill-isbaħ u rikki storikament u kulturalment.

Għeluq:

Alte Vestiga hu eżempju prattiku ta’ min jemmen li qabel ma wieħed jazzarda jikteb jeħtieġ li jkun qara u qara bil-bosta. Huwa rumanz li joħloq distanza enormi bejnu u bejn rumanzi Maltin oħra li qed jinkitbu llum; xi wħud minnhom saħansitra warrbu kull dimensjoni ta’ estetika filwaqt li ħaddnu l-idea ta’ letteratura rħisa, medjokri, sensazzjonalista, imma li tbigħ malajr u b’hekk effettiva f’sens ta’ profitti, kbar jew żgħar kemm huma.

Dak ta’ Anton Sammut huwa wkoll risposta f’waqtha, alternattiva bis-sens għal min irid jitbiegħed mill-bosta produzzjonijiet medjokri u ta’ ebda stimolu intellettwali li l-“media” lokali draw joffrulna minn mindu ġejna mberkin bir-rigal tal-pluraliżmu fil-qasam tax-xandir.

Alte Vestiga issa jista’ jinqara wkoll fl-Ingliż, permezz tat-traduzzjoni tal-poeta u traduttur Alfred Palma, bl-isem ta’ Memories of Recurrent Echoes (2009). Min huwa verament interessat fir-rumanz u jixtieq jidħol aktar fl-fond jista’ jżur ukoll is-sit imtella’ minn Stephen Cremona fl-indirizz http://www.altevestiga-antonsammut.com/

No comments: