Monday, July 20, 2009

Intervistata l-Prof.ssa Rena Balzan

1. X’tahseb dwar l-importanza li l-kittieb/poeta jsemma lehnu rigward il-qirda tal-ambjent naturali?

Jien nahseb li l-poeta awtentiku jkun qrib hafna tan-natura u fit-tajjeb jew fil-hazin ikun ispirat minnha. Ma jistax poeta jara l-qirda tal-ambjent naturali u ma jhoss xejn; qisu ma gara xejn. M’ghandix dubju li l-kittieb/poeta awtentiku jsemma’ lehnu, u ghandna hafna kitbiet u poeziji dwar in-natura u l-isfregi taghha. Il-problema hi li kitba ta’ din ix-xorta mhux dejjem tinghata l-importanza li jixirqilha.

2. X’tifhem b’involviment politiku min-naha tal-kittieb/poeta? Ghandu l-kittieb/poeta jghaddi l-hsieb politiku tieghu lil min imexxi lil pajjizna permezz ta’ vrusu/il-kitba tieghu?

Nixtieq naghmilha cara li fl-opinjoni tieghi l-politika mhix hobz ghal snien kulhadd. Anzi hawn kittieba u poeti li tilfu kull fiducja fil-genwinita' tal-politika u m’ghandhom l-ebda interess li jinvolvu ruhhom fiha. Jekk imbaghad inqisu l-politika fis-sens wiesa' tal-kelma, meta kittieb/poeta jesprimi b’qawwa l-hsieb tieghu u jippubblikah permezz ta’ vrusu/il-kitba tieghu, ikun qed jaghti kontribut politiku mhux biss ghall-prezent izda wkoll ghall-gejjieni. Il-hsieb tieghu ma jghaddihx biss lil min imexxi lil pajjiz, izda jghaddih lil kulhadd u b’hekk jista' jinfluwenza hafna individwi b’opinjonijiet u ideali differenti. Il-kelma miktuba hija qawwa kbira fiha nnifisha ghax ghandha l-potenzjal li tinfirex fejn qatt ma mar min kitibha u tibqa' anki meta jigi nieqes min kitibha.

3. Rigward l-involviment “politiku” (anki fis-sens wiesa’) tal-kittieb, tahseb li dan isir ahjar u hu iktar effettiv permezz tal-proza jew tal-poezija?

Kemm il-proza kif ukoll il-poezija jistghu jkunu effettivi hafna. Billi f’xi pajjizi bhal Malta tidher iktar popolari l-proza milli l-poezija, allura forsi l-hsieb jista’ jitwassal ahjar permezz tal-proza. F’pajjizi bhal Malta, fejn il-qari ma tantx jiehu prijorita', jidhirli li l-ikbar impatt fil-prezent immedjat jista’ jsir bil-kitba gurnalistika.

4. Semmi aspett kurrenti li jolqtok u jgaghlek tikteb llum?

Meta nitkellmu fuq l-ambjent, irridu nqisu wkoll l-ambjent psikologiku li noholqu fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna u maghna nfusna. Aspett kurrenti li jolqotni hafna huwa l-isfruttament taz-zghazagh mis-socjeta', hafna drabi ghall-qligh tal-flus minn fuq dahar min hu inqas matur u allura izjed vulnerabbli. Ma’ dan l-aspett, ghax forsi wkoll parti minnu, tolqotni l-manipulazzjoni tal-valuri li jiggebbdu 'l hemm u 'l hawn bhal bicca chewing gum.

5. Il-kittieb/poeta jixtieq ir-rispett min-naha tal-poplu. Imma qabelxejn dar-rispett ghandu jigi mill-istess kittieba/poeti kollegi tieghu. Kif tirreagixxi ghal dan?

M’ghandix dubju li l-kittieba/poeti ghandhom jirrispettaw lil xulxin qabel jesigu xi rispett min-naha tal-poplu. Min hu kittieb/poeta awtentiku m’ghandux ghalfejn jibza’ minn kittieba/poeti ohra ghaliex huwa originali u fid-dinja tal-originalita', fejn il-varjeta' tiddomina, hemm post ghal kulhadd. Imbaghad iz-zmien huwa l-aqwa mhallef li jiddeçiedi minn hu tassew awtentiku, ghax imnebbah, u min mhux.

6. X’tahseb dwar l-importanza tal-Istorja f’rabta mal-kuntest attwali ta’ Malta fl-Ewropa, imma anki f’rabta mad-dhul kontinwu f’pajjizna tal-immigranti irregolari mill-Afrika ta’ Fuq?

L-istorja ta’ pajjizna l-hin kollu tinbidel, jew ahjar tkompli tinbena mal-medda tas-snin. L-importanti li nibzghu ghall-identita' taghna ghax jekk ma nibzghux ghaliha ahna, hadd m’hu se jibzghalna ghaliha. Jehtigilna nghixu r-realta' ta’ gzira kbira fl-istorja, izda limitata fid-daqs li ma tistax terfa' pizijiet hafna ikbar milli tiflah. Jekk inkunu rrispettati ta’ li ahna, u nahseb li dan irridu nahdmu kontinwament ghalih, inkunu nistghu naghtu l-kontribut validu taghna ghal ghixien ahjar u mhux biss f’dan il-kontinent.

7. Inti tikteb kemm rumanzi kif ukoll poezija. Ghandek xi progetti letterarji godda ghall-gejjieni?

Il-poeziji qatt ma nippjanahom. Jigu ghal gharrieda bhal berqa u sakemm niktibha, poezija ma thallinix bi kwieti. Jekk imbaghad, minhabba xi esigenzi ohra, ninjoraha tassew, nitlifha u x’aktarx li qatt ma jerga' jigini n-nebh taghha. Rigward ir-rumanzi, inkun nehtieg hafna hin fuq medda twila ta’ xhur. Biex nikteb rumanz gieli hadt bejn sena u erba' snin. Billi bhalissa mhabbta hafna fil-qasam xjentifiku, fil-prezent m’ghandix progetti mmedjati ta’ kitba ta’ proza, izda ghandi kemm-il idea tberren f’mohhi ghal meta xi darba nsib ic-cans.

Is-siluwett tieghek

Siluwett ta’ sigra kbira
iswed, majestuz, sieket…
fl-isfond
ix-xemx tizreg
f’ghodwa sajfija.

Siluwett ta’ hsibijieti
tqal u mghagglin…
fl-isfond
in-nisga ta’ hajti
mrikkba fuq iz-zmien miftum
mill-istaguni.

U f’dawn is-siluwetti
msensel ma’ kull liwja taghhom
is-siluwett tieghek, mahbub
f’mohhi.


Rena Balzan

Intervistat Tony C. Cutajar

1. Naf li inti tħobb tikteb ħafna għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Xi tgħid dwar dan u x’feedback ikollok min-naħa tagħhom?

Kemm domt għalliem u anke meta kont librar kien ikun hemm ħafna tgergir mill-istudenti tas-Sekondarja li ftit kien hemm kotba bil-Malti għalihom. U kellhom raġun. Għalhekk meta 12-il sena ilu spiċċajt minn għalliem u ħriġt bil-pensjoni ddeċidejt li nibda nikteb speċifikament għaż-żgħażagħ. Mill-kuntatti li jkolli meta nkun mistieden biex nitkellem fl-iskejjel nara li l-kotba tiegħi qed jinqraw minn numru mhux kbir ta’ studenti. Għad hemm nuqqas ta’ interess u mpenn fil-qari tal-kotba bil-Malti mill-istudenti kbar. Min jieħu ħsieb il-kurrikulu tal-iskola għandu jisħaqq bil-kbir biex iħajjarhom jaqraw kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti.


2. Semmi xi xogħlijiet tiegħek li huma l-aktar għal qalbek. Għaliex?


L-iktar ktieb li ħareġ minn qalbi u li kien hemm bżonnu kien Il-Misteru tar-Rotunda (2003) li jittratta dwar l-esperjenzi tal-aħħar gwerra. Dan huwa l-ewwel ktieb dwar dan is-suġġett li qatt inkiteb għat-tfal u ż-żgħażagħ. Iltqajt ma’ kbar li qaluli kemm ħadu gost jaqrawh għax ftit li xejn kienu jafu dwar minn xiex għaddejna fl-aħħar gwerra. Kollu Tort tan-Nannu (2001) jista’ jissejjaħ awtobijografiku għax fih espriment il-beżgħat tiegħi. Il-Misteru tar-Razzett ta’ Xindi (2002) għal qalbi wkoll għax fih l-istorja tal-qlubija tal-Maltin fi żmien il-Franċiżi. L-aħħar ktieb tiegħi, Aħwa bla ma Jafu (2009), naħseb li fih l-aħjar storja li qatt ktibt s’issa.


3. Taqbel li l-kitba kreattiva għandha wkoll tkun impenjattiva, fis-sens li tistiednek tirrifletti dwar bosta ħwejjeġ importanti, mhux biss divertenti? Kif tirrikonċilja dan mal-kitba għaż-żgħażagħ?


Il-kitba tiegħi hija dejjem impenjattiva għax kważi dejjem mibnija fuq l-istorja, speċjalment ta’ Malta. U biex tikteb fuq l-istorja trid tagħmel ir-riċerka meħtieġa. B’hekk jien inkun qed ngħallem liż-żgħażagħ b’mod indirett dwar perjodi tal-istorja ta’ Malta għax nemmen fis-sħiħ dak li jgħid l-istoriku Grieg Thucydides li l-istorja hija filosofija mgħallma fuq l-eżempji.


4. X’taħseb dwar l-importanza tal-Istorja f’rabta mal-kuntest attwali ta’ Malta fl-Ewropa, imma anki f’rabta mad-dħul f’pajjiżna tal-immigranti irregolari mill-Afrika ta’ Fuq? Qatt ktibt dwar dan fix-xogħlijiet tiegħek?


Biex nerġa’ nikkwota, u din id-darba b’mod iktar adatt u opportun, darba l-poeta Ingliż Stephen Spender qal li l-istorja hija vapur li jġorr memorji ħajjin lejn il-ġejjieni. Aħwa bla ma Jafu huwa mibni fuq is-suġġett tal-miżerja tal-iskjavi Afrikani fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. L-istorja reġgħet qed tirrepeti ruħha llum bi ftit differenzi. Lest għall-pubblikazzjoni għandi manuskritt jismu Il-Lewn tal-Ġilda li jitkellem eżatt dwar dan il-fenominu u dwar ir-razziżmu modern. Nispera li nsib min jippubblikahuli.


5. Kemm huma importanti l-kuntatti ma’ kittieba barranin għal min jikteb? Kif u kemm għenuk l-esperjenzi li kellek barra minn Malta fil-kitbiet u fix-xogħol kreattiv tiegħek?


L-ikbar kuntatti li għandi ma’ kittieba barranin huma permezz tal-qari tal-kotba tagħhom. L-esperjenzi li kelli f’ħajti matul il-ħafna snin li qattajt barra swewli biex ħloqt ambjenti differenti fil-kotba tiegħi. Ħafna mill-avventuri f’dawn il-kotba ġraw fil-verità. Naturalment ma jistax jonqos li l-immaġinazzjoni jkollha fejn timraħ biex tkompli żżejjen l-istorja.


6. Il-kuntatt tiegħek mal-iskejjel. Xi tgħid dwar dan? X’jista’ jinbidel għall-aħjar f’dan il-qasam?


Jiena spiss inkun mistieden biex nitkellem dwar il-kotba tiegħi u dwar l-imħabba tal-Malti mal-istudenti fi skejjel differenti. Dawn huma okkażjonijiet ta’ fejda li jtejbu u jkabbru l-esperjenzi tal-istudenti. Mill-mistoqsijiet li jsaqsu tara kemm hemm min hu ħerqan li jitgħallem u anke li jibda jikteb. Nisħaq li dawn il-kuntatti mal-awturi m’għandhomx ikunu biss ta’ darba fis-sena. Jiena għadni niftakar tajjeb il-laqgħat li fl-iskola kien ikollna ma’ nies bħal Erin Serracino Inglott, Dun Frans Camilleri u Ġużè Aquilina.


7. Aħwa bla ma jafu huwa l-50 ktieb tiegħek. X’sodisfazzjon jagħtik dan kollu u xi proġetti għandek għall-futur qrib?


L-ikbar sodisfazzjon tiegħi hu li niltaqa’ ma’ tfal u anke ma’ kbar li jgħiduli li ħadu pjaċir jaqraw xi kotba minn tiegħi. Sodisfazzjon ieħor hu li nsib pubblikaturi lesti li joħorġu l-kotba tiegħi, anke jekk kultant jaqlugħlek qalbek sakemm il-ktieb jitfaċċa fuq l-ixkafef. Fil-preżent għandi tliet kotba għand pubblikaturi differenti u fil-kompjuter hemm jistennew erba’ kotba oħra. U bħalissa qed naħdem fuq storja oħra mibnija fuq perjodu traġiku fl-istorja ta’ Malta.


8. L-esperjenza tiegħek fil-qasam tar-radju u tat-televiżjoni. Xi tgħid dwar dan? F’liema qasam kellek l-akbar soddisfazzjon: tagħlim, kitba, televiżjoni jew radju? Għaliex?


Kien żmien sabiħ u interessanti li 35 sena ilu wassalni biex nibda nikteb. Għall-ewwel xogħli kien li nipprepara skripts għall-programmi tal-iskejjel fuq it-TV u r-radju, imbagħad bdejt nikteb u nippreżenta r-radjudrammi tiegħi stess u anke kelli għadd ta’ programmi tiegħi. F’kull qasam sibt sodisfazzjon kbir għax għalija l-erbgħa li huma huma marbutin flimkien. L-għalliem jibqa’ dejjem għalliem, għalkemm fil-kitba nipprova nkun iktar sottili ħalli ma ndejjaqx lill-qarrej.


9. Il-kittieb jixtieq ir-rispett min-naħa tal-poplu. Imma qabelxejn dar-rispett għandu jiġi mill-istess kittieba kollegi tiegħu. Kif tirreaġixxi għal dan?


Inħoss li aħna l-kittieba għandna rispett kbir lejn xulxin għax nafu minn xiex irridu ngħaddu biex jirnexxielna naslu li niktbu u noħorġu ktieb. Jiena nixtieq nara iktar rispett u stima minn ċerti pubblikaturi li mhux dejjem jifhmuna jew jgħinuna biżżejjed f’dan l-mestier. Irridu għajnuna wkoll mill-awtoritajiet kompetenti li jxerrdu l-kitba tagħna kull fejn hemm il-Maltin, b’mod speċjali f’artijiet imbiegħda bħall-Awstralja fejn hemm għatx kbir għal dak kollu li huwa Malti.