Thursday, February 25, 2010

Ghada tnedija TRAGITTI fil-Mosta, 6.30pm

Il-gabra ta’ poeżiji gdida TRAGITTI (2009) ta’ Patrick Sammut u Andrew Schembri se tigi mnedija waqt Lejla ta’ Poeżija mtellgħa mill-Għaqda Poeti Maltin. Dan se jsir GHADA, il-Gimgħa, 26 ta’ Frar fis-6.30 p.m. Il-post se jkun ir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone, fil-Mosta. Kulħadd huwa mistieden, u jkun hemm ħin biex dawk preżenti jaqraw xogħol minn tagħhom b’ilsna differenti. Għal min irid, ikun hemm kopji ta’ TRAGITTI għall-bejgħ.


Kumment dwar TRAGITTI mill-kittieba u poetessa Therese Pace:


Imħabba fid-diversita` kollha tagħha, niket, tħassib, ħolm u tiftix, ilkoll jagħmlu parti minn din l-antoloġija li Patrick Sammut u Andrew Sciberras qasmu flimkien. Fil-poeżija ta’ Patrick, minsuġa bi stil mexxej li jiftiehem imma fl-istess waqt rikka u oriġinali fil-metafora, joħroġ it-tiftix waqt il-vjaġġ uman tal-ħajja, tiftix għall-imħabba mixtieqa u dejjiema, għall-paċi u s-serħan tal-moħħ u tal-qalb kif ukoll in-niket tiegħu għall-firda minn ma’ ommu. Biex iseħħlu jesprimi dan, huwa jitħabbeb mas-silenzju u jiddjaloga miegħu u permezz tiegħu ma’ Alla donnu biex jakkwista kompromess jew risposta. Għalih is-silenzju mhux nuqqas iżda attribut, privileġġ u għodda meħtieġa. Fil-biċċa l-kbira tal-poeżiji tiegħu, il-versi huma ċari u diretti. Il-kjaroskur, imma, ma jonqosx f’xi waqtiet.

Eż. “...ta’ fommi sieket jien, imma
Joqtluni s-silenzji ta’ bejni u bejnek... (minn Flimkien Interrqu, paġna 15)

Imbagħad iktar ‘l isfel fl-istess poeżija fejn tispikka r-riflessjoni li tista’ tgħid tfiġġ f’kull poeżija tiegħu

“...nistaqsi, min hu l-eħrex
Il-kelma jew is-silenzju?...”

U jfittex it-tweġibiet fil-baħar, fin-nifs, fis-solitudni bil-ħsejjes mondani u naturali tal-jum u l-lejl.

Fuq in-naħa l-oħra għandna lil Andrew Sciberras, poeta prolifiku ħafna imma fl-istess waqt xi ftit arkan. Il-poeżija tiegħu trid żmien u konċentrazzjoni assoluta għax l-istil li jħaddem fil-versi tiegħu hu mgħaġġel u n-nuqqas ta’ punteġġjatura f’xi ħinijiet (ovvjament maħsuba apposta biex tħalli l-effett mixtieq) kapaċi taqtagħlek nifsek u ttellfek milli tifhem sew fejn ried jasal. Fid-damma tiegħu jinħass id-diżappunt, kważi l-qtugħ ta’ qalb li jsib dak li qed ifittex, jiġifieri l-ideal. It-temi li jittratta huma l-ambjent u t-tibdil deterjoranti fil-klima, dik naturali kif ukoll dik li qed tiddeġenera fil-ħajja umana. Is-similitudnijiet u l-metafori tiegħu huma twal u elaborati ħafna u juru kemm Andrew hu mrawwem sew fil-binja tal-poeżija u midħla tal-Mitoloġija.



“...u jien Axanti
Abitant tal-ġungla mistagħdra
Nitgerbeb żigromblu
Nisserrep, nixxaqleb
Ġo savana sterili nitqalleb
F’għelieqi fertili
Niżbokka u niżbroffa
F’bottijiet nibbottilja
Nagħniegħ u faqqiegħ
Maħżuna fl-imħażen
Taż-żmien għawwiem...” (minn Bewsa, paġna 22)

Kollox ma' kollox din l-antoloġija minsuġa b’vers ħieles u ritmi differenti hi waħda ta’ bilanċ u kien għalhekk tabilħaqq f’postu li ħejjew sinkronazzjoni ta’ poeżija kull wieħed wara xulxin għax hekk tista’ tapprezza aħjar il-kontenut letterarju għoli tat-tnejn. Traġitti, kif jixhed l-isem, hu sensiela ta’ vjaġġi bejn ruħ u oħra, ta’ esperjenzi speċjali u kulturali fl-isfond tad-dinja kif jarawha ż-żewġ poeti bil-preġji u d-difetti li tħaddan u toffri lill-bniedem.


Grazzi lilek Therese :-)

No comments: