Thursday, September 09, 2010

Aktar attivitajiet mill-Għaqda Poeti Maltin (1)

Minn Mejju 'l hawn l-Għaqda Poeti Maltin kompliet bl-attivitajiet regolari tagħha.

FIL-FGURA:
Bħala parti mill-"Ġimgħa Marjana" organizzata mill-Kummissjoni Kultura u Radju fi ħdan l-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu, Fgura, l-Għaqda Poeti Maltin ġiet mistiedna biex tieħu sehem f'Sarata Kulturali Marjana ta' Poeżija u Mużika li saret fil-Każin tal-lokal nhar il-Ġimgħa, 21 ta' Mejju 2010.
Flimkien ma' numru ta' poeti li qraw poeżiji b'temi Marjani, ħadu sehem ukoll il-4th System Quartet u l-bandist Charles Ciantar. Patrick Sammut tkellem dwar Patri Anastasju Cuschieri OC, Il-Poeta tal-Madonna.
Alfred Massa f'diskors fil-bidu tas-Serata feraħ lill-Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu f'għeluq il-25 sena mit-twaqqif tagħha. Imbagħad irrefera għall-artiklu dwar il-Poeżija ta' Don David M. Turoldo li deher f'rivista Marjana ta' Civitavecchia, ġewwa l-Italja. Dan is-saċerdot xebbah lill-poeti mal-antenni radjufoniċi u televiżivi għax bħalhom iwasslu messaġġi lill-umanita'. Hawn il-President tal-Għ.P.M. fisser li f'kull poeżija hemm messaġġ, għalhekk tajjeb li nipprovaw niskopruh.
Fi tmiem is-Serata is-Sur A. Pezzuto, President tas-Soċjeta', ippreżenta tifkira lill-Għ.P.M.
Mexxa s-Serata Charles Magro, Segretarju tal-Għ.P.M.


F'ĦAL TARXIEN:

Nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Awwissu, l-Għaqda Poeti Maltin, flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, tellgħet Lejla ta’ Poeżija fid-Dar tal-Kejka. Din ma kinitx l-ewwel darba li l-GĦ.P.M. wasslet leħinha f’dan il-lokal. Is-serata ġiet immexxija mill-Viċi-Segretarju, Dr. Joseph Axiaq, li tkellem dwar l-attivitajiet tal-Għaqda u kkummenta l-poeżiji li nqraw waqt is-serata. Il-mużika din id-darba tħalliet f’idejn il-kantawtur Walter Micallef. Fid-diskors tal-bidu, il-President tal-Għ.P.M. tkellem dwar kemm Ħal Tarxien ipproduċa nies ta’ ċertu kalibru, anki fil-qasam tal-kitba. Ħal Tarxien kien ukoll il-post li laqa’ bosta kittieba minn barra, bħal Ninu Cremona. Massa ħeġġeġ biex in-nies ta’ Ħal Tarxien jipparteċipaw aktar f’attivitajiet li torganizza l-Għ.P.M. bħall-Konkorsi Nazzjonali tal-Poeżija kemm għall-kbar u kemm għat-tfal.

Waqt is-serata il-membri tal-Għ.P.M. qraw il-poeżiji tagħhom bil-Malti u bl-Ingliż, filwaqt li l-Viċi-President, Patrick Sammut, intervista lill-Membru Onorarju, Peter A. Caruana, l-aktar f’rabta mar-raħal ta’ Ħal Tarxien. Il-Lejla ingħalqet minn diskors qasir tas-Sindku, Paul Farrugia.

No comments: