Friday, August 06, 2010

Intervista mal-kittieb u poeta Peter A. Caruana


Peter A Caruana twieled f’Ħal Tarxien fl-1937. Studja l-Mediċina fl-Università, imma tliet snin wara abbanduna l-kors. Ħadem fil-qasam tax-xandir u fl-1962 waqqaf l-Għaqda Kittieba Żgħażagħ. Ippubblika kotba dwar l-agrikultura u l-ortikultura, kien l-Editur Letterarju għal 17-il sena ta’ Leħen is-Sewwa, u awtur ta’ radjudrammi. Fl-1989 rebaħ il-Premju Letterarju Malti bir-rumanz Ħajt li Jifred, u huwa kontributur regolari f’numru ta’ ġurnali lokali.

1. Għidilna xi ħaġa dwarek bħala persuna u anki dwar il-pubblikazzjonijiet tiegħek.

Sa minn mindu kont għadni tifel, bdejt inħobb il-Malti. Missieri kien jaqralna l-kotba, f’għamla ta’ faxxikli bi tmien faċċati, li kienu joħorġu darba fil-ġimgħa. Kont nibqa’ msammar bilqiegħda nisimgħu jaqra r-rumanzi bħal Indri s-Sajjied Malti, L-Istorja ta’ Malta u kotba oħra li kienu joħorġu fi żmien ta’ wara l-gwerra. Missieri kien iħobb lil Malta u dak kollu li hu Malti, l-aktar ilsienna. Kien dejjem jgħidli li aħna poplu aqwa minn popli ħafna ikbar minna, għax aħna għandna l-Ilsien tagħna. Niftakar li minn meta tgħallimt inbill il-pinna fil-klamar il-linka, kont bdejt taparsi nikteb. Dejjem kont inħossni miġbud lejn il-poeżija, iżda kull għamla ta’ kitba kienet għal qalbi. Meta dħalt fil-Liċeo fl-1948, sirt naf lil Karmenu Vassallo li kien jgħallimni l-Malti. Fl-1950, meta Karmenu kien jarani nħobb il-Malti daqshekk, kien qalli biex immur għandu d-dar, kien joqgħod il-Marsa, biex jgħallimni sewwa l-Metrika Maltija. It-tagħlim ta’ Karmenu għożżejtu u għadni ngħożżu sal-lum. Xi ftit mill-pessimiżmu tiegħu influwenzani u nistqarr li xi poeżiji li ktibt jinħass fihom in-niket tal-ħajja. Bqajt nikteb u fl-1970 ippubblikajt il-ktieb Żewġ Ilħna, ġabra ta’ 15-il novella. Sentejn wara ħareġ ir-rumanz Dar Imġarrfa u fl-1981 deher il-ktieb bi ftit mill-poeżiji li kont ktibt bl-isem ta’ Bukkett Vjoli. Fl-1988 kien ippubblikat ir-rumanz Ħajt li Jifred li fis-sena ta’ wara kien rebaħ il-Premju Letterarju Nazzjonali. Fl-2004 kien ippubblikat Qanfudinu, storja b’tagħlima għat-tfal. Ħadt sehem f’għadd ta’ konkorsi li saru bejn l-1960 u s-sena 2000. Ħaġa li kienet tatni sodisfazzjon kbir meta mill-1959 sal-1973 kont l-Editur Letterarju tal-ġurnal Leħen is-Sewwa. F’dawn is-snin iltqajt mal-aqwa kittieba tal-Malti li qatt kellna fi Lsienna u ngħożż għadd ta’ tifkiriet li ħallewli. Jekk f’ħajti qatt m’għamilt xejn, żgur li dejjem ħabbejt l-Ilsien li tatni ommi.

2. 2. Fl-1970 int ippubblikajt ġabra ta’ 15-il rakkont bl-isem Żewġ Ilħna. Għaliex għażilt dan l-isem? Kif twieldu rakkonti bħal dawn?

Il-ktieb huwa mqassam f’7 rakkonti fl-ewwel leħen u 8 fit-tieni leħen. Daħħalt il-kelma “leħen” għax ħassejt li dawk il-kitbiet kienu l-leħen tiegħi fl-istħajjil ta’ dak kollu li kont qed ngħix u naħseb meta ktibt ir-rakkont. Barra hekk, l-ewwel 7 rakkonti nkitbu fi żmien tfuliti u t-tmienja tat-tieni leħen ktibthom meta ż-żmien kien xejjaħni aktar. Jien inħobb nosserva dak kollu li jkun qiegħed isir madwari. Rari biex inħares lejn wiċċ min ikun qed ikellimni u qatt ma nħares lejn uċuħ meta nkun miexi fit-triq. Iżda ftit li xejn jaqbiżli minn dak li jkun qed isir madwari. Kull ċaqlieqa, kull espressjoni bil-wiċċ jew bil-kliem, jibqgħu ma jintesewx. Dawn l-affarijiet li jiġru matul il-jum nixtarrhom sew filgħaxija qabel norqod. Dak li jkun interessani, bi ftit jew ħafna fittizju, niktbu l-għada jew bil-lejl stess. Dawn l-affarijiet iżommuli moħħi dejjem jaħseb u nixtarr f’dak li jkun imiss. Tista’ tgħid li l-ġrajjiet kollha li ktibt għandhom biċċa mis-sewwa tal-ħajja.

3. 3. Inti wkoll kittieb tal-poeżija. Il-kitba tan-novella u dik tal-poeżija jirrikjedu kapaċitajiet differenti. Xi tgħid dwar dan?

Għalkemm il-kitba tan-novella u dik tal-poeżija hija differenti fil-ħsieb u l-għamla, lili ma ddejjaqni xejn fis-sens li nħoss la nħobb Ilsien Art twelidi kull għamla bil-Malti hi għażiża għalija. Meta ħsiebi l-aktar li jkun qed jaħseb fil-poeżija, nikteb il-versi. Xi żmien ieħor inkun qed naħseb dwar xi ħaġa li nkun rajt jew smajt f’dak il-jum. Jekk inħoss li għandi nikteb dak l-episodju bħala poeżija, niktbu hekk. Bosta drabi jiġri li mal-ħsieb tibda tiġri bija l-proża. Inkun irrid inżid tiegħi. Fil-poeżija nħoss li wieħed qatt m’għandu jtawwal, jekk ma tkunx xi storja u tinkiteb bħala leġġenda. Il-ħsieb fil-poeżija għandu joħroġ fi ftit versi. In-novella tista’ timraħ aktar fil-ħsieb u ma tkunx marbuta ma’ ftit versi biss. Imbagħad hemm id-differenza bejn il-proża u l-poeżija. Il-poeta nħoss li meta jikteb ma jkollux tul fl-istħajjil tiegħu u kitbietu jkunu l-ħsus tal-qalb. In-novella tagħti ċ-ċans lill-kittieb li jista’ jfettaq fehmtu wkoll fil-ġrajja li jkun qed jistħajjel. It-teknika hija għal kollox differenti. Il-poeżija tibda tikteb il-ħsieb li jkollok f’moħħok, waqt li l-kitba tal-proża tinqasam fi tlieta, id-daħla, il-ġisem tagħha u l-għeluq. Dawn it-tlieta ma tistax taqbad u tfassalhom bħallikieku xejn. Inħoss li biex proża tkun tajba u li ma ddejjaqx lil min jaqraha, irid ikun hemm ftuħ tajjeb u għeluq li forsi wieħed ma jkunx qed jistenna.

4. Liema huma l-għejjun li tixrob minnhom bħala kittieb, u liema huma l-iktar għal qalbek?

Inħobb nissendika ħafna. Kif diġà weġibt fit-tieni mistoqsija, in-novelli nħobb niktibhom l-aktar fuq ġrajjiet li jkunu ġraw u naf bihom, jew fuq il-fittizzju mibni fuq xi ħaġa li tista’ tkun seħħet tabilħaqq. Ir-rakkonti li jkunu seħħew miżjuda bl-immaġinarju jkunu dejjem ix-xalata ta’ moħħi.

5. Ir-rakkonti tiegħek għandhom ħabta jaħkmu lill-qarrej b’tali mod li jkompli jaqra b’ċerta kilba sat-tmiem. X’mekkaniżmi stilistiċi jew narrattivi tħaddem biex tilħaq dan l-għan?

Fin-narrattiva, jekk ma jkunx hemm bidu tajjeb, bidu li forsi jista’ jieħu l-immaġinazzjoni tal-qarrej fuq ħafna affarijiet, li jistgħu ma jkunux f’dik in-narrattiva, naħseb li l-qarrej jiddejjaq jaqra u jieqaf qabel ikun beda. Jekk novella tkun għoġbot lill-qarrej, żgur li dan ser ikompli jaqra. Fuq kollox wieħed irid jaħseb ukoll fl-immaġinattiv li normalment il-poplu jħobb jaqra fuqu. Temi ta’ mħabba, għalkemm m’għadhomx daqs kemm kienu, għandhom ċerta ġibda għall-qarrej. Kultant, xi tbissima ħelwa li tixref fuq wiċċ il-qarrej minn dak li jkun qed jaqra, tista’ tolqot ukoll. Sakemm il-kitba tkun miktuba b’għan biex tiftiehem mill-qarrej, naħseb li tista’ wkoll tqanqal l-immaġinazzjoni ta’ dak li jkun.

6. Tema għal qalbek ħafna hija l-mewt. Għaliex dan u kif taħseb li tema bħal din tista’ tinteressa lill-qarrej?

L-aktar ħaġa li l-bniedem ma jaf xejn dwarha hija l-mewt. Naf li l-mewt irid iduqha kulħadd, iżda ħadd qatt ma bassar x’hemm wara l-mewt. Il-mewt l-ebda bniedem ħaj ma daqha, kieku mhux ħaj. Jistħajjel li jista’, jimmaġina iżjed, imma xorta nibqgħu fejn konna. U ħaġa tal-għaġeb, aktar ma wieħed jaħseb fil-mewt, iżjed irid jaqra dwarha. Fil-ħajja tiegħi ġarrabt il-mewt ta’ missieri meta kont għadni lanqas għalaqt il-15-il sena. Tnikkitt ma’ min kien imnikket u għamilt li stajt biex insabbru, mhux darba u tnejn. Fuq kollox, meta miet missieri sikwit kont immur fuq qabru b’xi ktieb f’idi, naqra u nimmaġina sa tard bil-lejl. Dawn huma kollha effetti għaliex il-mewt inħobb insemmiha ħafna f’kitbieti. Fuq kollox ma rridx ninsa nsemmi li jien ukoll għal ftit ma ġarrabtx il-mewt u f’dik il-ġimgħa stajt naħseb ħafna fuqha. Meta xi ħadd jara xi film, xi ġrajja jew hu jiltaqa’ mas-sopranatural, tisimgħu jgħid wara kemm beża’ iżda xejn ma jiddejjaq jerġa’ jara dak il-film jew il-ktieb li jkun kexkxu. Għalhekk naħseb, u aktarx ma nkunx qed naħseb ħażin, li t-tema tal-mewt tolqot ħafna lill-qarrej.

7. Għal nies bħalek li taqbad pinna u tikteb hi ħtieġa regolari. Xi ssib l-iktar faċli f’waqtiet bħal dawn, tikteb rakkont qasir jew poeżija?

L-iktar mistoqsija faċli li stajt tagħmilli. M’hemmx dubju li

“Il-poeżija għalija

nieqa ta’ barka, ġenna ħajr u sliem.

Marbut u mgħannaq magħha,

nibqa’ ferħan u ħieles mingħajr tmiem.”

8. Naf li inti Membru Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin u li spiss tipparteċipa flimkien ma’ martek Mary Grace (li wkoll tikteb il-poeżija u hija membru tal-istess Għaqda) waqt serati ta’ poeżija li torganizza l-Għaqda. Tħoss li serati bħal dawn joffru xi ħaġa pożittiva u utli lil dawk preżenti?

Jien inħoss, u dejjem hekk għidt, li l-bniedem qatt ma jaf xejn. Dejjem għandu x’jitgħallem. Meta wieħed jiġi biex ikun jaf xi ħaġa, imut. Għalhekk minn laqgħat bħal dawn dejjem hemm x’wieħed jitgħallem. Dawn il-Laqgħat huma meħtieġa, u forsi aktar spissi, għaliex bniedem li qatt ma jkun qara xejn u jattendi għal xi waħda minn dawn il-laqgħat, jista’ jħoss il-kilba li hu wkoll jaqra xi xogħol tiegħu. Min iħoss xi ġibda lejn il-kitba qatt m’għandu jitħalla waħdu u mbarri minn għaqdiet. Għada jista’ jkun wieħed mill-aħjar kittieba li jkollna. Jien inħossni xi ftit iffurtunat għax dwar il-kitba, l-aktar tal-poeżija, dejjem sibt bastun sod fuq xiex inserraħ. Meta xi drabi nħoss li kollox spiċċa għalija nsib lil marti tagħmilli l-kuraġġ. Min jaf x’jiġifieri jifhem dak li qed nikteb.

9. Kittieb bħalek, li laħaq ċerta età, iħoss il-bżonn li jżomm ruħu aġġornat fil-kitba tiegħu? Jekk iva, kif tagħmel dan fil-kitbiet tiegħek?

Sakemm il-bniedem jibqa’ ħaj, inħoss li għandu jgħix maż-żmien li jkun. Jien niftakar sewwa żmien tfuliti iżda naf dak li qed jiġri llum. Jien inħoss li kittieb dejjem ħsiebu f’dak li jkun għaddej f’dak il-ħin. Jekk jinqata’ mill-ġrajjiet ta’ madwaru jispiċċa biex id-dinja stess tbarrih. Jien inħobb naqra ħafna. Naqra l-ġrajjiet li jkunu qed jiġru fid-dinja bit-televiżjoni. Meta nitkellem ma’ xi ħadd, inħobb indeffes il-ġrajjiet tal-jum biex inkun naf dejjem aktar. Fuq kollox, il-mara, li l-aħbarijiet tħobb tismagħhom, taqrahom u tarahom aktar minn tazza ġulepp tal-ħarrub bil-qtar tal-lumi, dejjem tgħarrafni sewwa b’dak li jkun qed iseħħ. Mhux l-ewwel darba li naqbdu xi diskursata dwar aħbar li tkun semgħet. Il-ġrajjiet tal-waqt, għal kittieb, dejjem huma meħtieġa għax f’kitbietu jista’ jgħid fehmtu fi kliemu, jista’ jgħid dak li jkun qed iħoss hu fuq dik jew din il-ħaġa. Aktar ma tkun aġġornat iżjed tkun taf id-dinja madwarek u tħażżeż ħsibijietek.

10. Xi ħaġa qasira dwar pjanijiet futuri rigward publikazzjonijiet ġodda.

Sakemm nibqa’ tajjeb biex nikteb, il-kitba żgur li ma tiqafx minni. Bħalissa qed nikteb poeżiji b’sillabi qosra dwar suġġetti li jħobbuhom it-tfal. Meta nlesti n-numru li nixtieq nittama li jkunu ppubblikati. Għandi rumanz li ilni xi snin li bdejtu, nittama li din is-sena jkun lest u forsi mitbugħ ukoll. Jisgħobbija li m’għadnix nikteb u nieħu sehem fix-xandir għax kienu qalu li jien xjeħt u riedu ż-żgħażagħ. U fuq kollox qatt u għall-ebda raġuni ma ser nasal nikteb il-Malti kif qed naraw f’xi ġurnali.

11. X’jagħmel kittieb tajjeb? Xi pariri għal dawk iż-żgħażagħ li jitħajru jibdew jiktbu?

Il-kittieb ma jsirx billi wieħed ifaqqa’ subgħajh jew jgħid abrakadabra. Irid ikun hemm il-ħajra u jibqa’ jikteb bla ma jaqta’ qalbu. Ma jimpurtax jekk għall-ewwel isib min iqarras wiċċu għal kitbietu. Ħadd ma kien bravu mill-ewwel u l-ftit li wieħed ikun jaf, jiġi biż-żmien u l-kuraġġ. Żgur li għall-bidu ser isib intoppi kbar għal kitbietu. Ma ninsewx li Malta pajjiż żgħir, kulħadd jaf lil xulxin, u aktar faċli li kelma kontrieh il-kittieb ser jismagħha mingħand xi ħadd li mingħalih jaf kollox. Ma nħallu lil ħadd u ma għandna qatt naqtgħu qalbna. Min baqa’ jistinka dejjem qata’ xewqtu f’dak li xtaq. Għalkemm dan kollu jgħodd għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jagħtuha għall-kitba, jien ngħidilhom biex ma jiktbux biex jitrejqu, għax f’Malta l-kitba tal-Maltin hi mormija u mogħtija bis-sieq. Min irid, jikteb għax iħobb il-Malti. Min iħobb il-Malti jitgħallmu kif għandu jkun u jkun kburi bi lsien Art twelidu.

April 2010

Poeżiji ta’ Peter A. Caruana:

ĦARIFA

Isma’.

Ir-riħ wieqaf għal kollox

u l-lejl imbiegħed.

Ħares.

L-għoljiet imdawla u maħkuma

mid-dawl ħamrani.

Iftaħ

il-bibien għax is-sħana

u s-sema ċar.

Bidu

ta’ maltempata

li riesqa ’l hawn.

Stkenn

taħt saqaf li qed jaqa’

għalkemm hemm int.

Isma’

t-tkarwit

tal-bidu tal-ħarifa.

IL-ĦMAR

Fost l-annimali kollha,

il-ħmar l-aktar ħanin,

għaliex fuq dahru rikkeb

fil-ħarba lill-Bambin.

Jaħdem bla jieqaf naqra.

B’għajnejh mgħammda idur.

Jidres il-qamħ mit-tibna;

dejjem għalih miġbur.

Bla jieqaf, dejjem sejjer,

ma jafx x’inhu serħan.

Bla jieqaf jaħdem iebes.

Dejjem hieni w ferħan.

Jekk qatt xi ħadd isieħlek

u jgħid li inti ħmar,

tiħux għalik b’li qallek.

F’ħidmietek tmur aħjar.

GĦASFUR TAL-BEJT

Għax jien għasfur ftit ċkejken

din ħajti ma tiswiex?

Dil-ħajja Huwa tani;

għaliH ma nitlifhiex.

Fuq zkuk tas-siġar għolja

nittajjar ’l hemm u ’l hawn.

Nemus u nsetti niekol.

Żaqqi timtela b’dawn.

Bejtieti fuq il-friegħi

jew f’toqba barra d-djar.

L-ilma tas-saqa nixrob

li jkun ġej minn ġol-bjar.

Ir-rix li bih imlibbes,

griż bl-iswed, mhux sabiħ.

Iżda r-rix l’għandi jiena

jsaħħanni f’jiem ta’ ksieħ.

Malli r-rebbiegħa tasal

iż-żmien qatt ma nkun ħlejt.

Il-bejta tiegħi nibni,

id-dar t’għasfur tal-bejt.