Thursday, August 19, 2010

Avveniment mużikali li mhux ta' min titilfu

Il-Malta Philarmonic Orchestra, Demm fuq il-Verna tal-poeta Patri Marjanu Vella o.f.m. u l-Prof. Joseph Vella nhar is-17 ta' Settembru li ġej. Għal min hu interessat li jattendi jista' jara dan il-link: http://www.youtube.com/watch?v=ZMfHx4S9_RE

Sunday, August 15, 2010

Carmel Mallia - Rumanz gdid u intervista mieghu

Il-Baruni ta’ Ħal Qormi ta’ Karmenu Mallia, Pubblikazzjoni BDL, 2010.

ISBN: 978-99957-20-53-7

Lil Karmenu Mallia nafu l-iktar bħala poeta li jikteb kemm bil-Malti (Festuni, 2007) kif ukoll b’ilsna oħra bħalma huma l-Franċiż (Paquerettes, 2003) u l-Esperanto; traduttur (b’xogħlijiet maqlubin għall-Malti mill-Ispanjol bħall-versi ta’ San Ġwann tas-Salib, 2009); u fuq kollox Esperantista attiv (Malta Nuntempa Poezio, 2009).

Is-sena 2010 rat lil Karmenu Mallia bħala rumanzier, bir-rumanz storiku Il-Baruni ta’ Ħal Qormi. Huwa xogħol li jifrex fuq kważi 250 paġna u maqsum f’20 kapitlu. Temporalment huwa ambjentat fis-snin 40 tas-seklu 18 (1743), is-seklu tar-Rivoluzzjoni Franċiża u tal-Illuminiżmu. Dan kollu fir-raħal ta’ Ħal Qormi fejn Mallia twieled u trabba. Mallia jirrakkonta l-istorja ta’ dan ir-raħal bis-sabiħ u l-ikrah tiegħu, mela b’riċetta effettiva fejn iħallat b’mod ibbilanċjat il-ħelu mal-morr. Hu rumanz li jirrakkonta mhux biss it-tiġrib individwali tal-personaġġi, imma anki t-tiġrib kollettiv, mela ta’ raħal sħiħ. Għalhekk Mallia jinkludi wkoll leħen il-kollettività permezz ta’ għajdut. Għandna għalhekk referenzi għas-superstizzjoni tal-popolin li titwieled f’ambjenti fejn mhemmx skola. Huwa wkoll żmien meta l-qlajja’ kienu jsiru fuq kollox anki għall-mogħdija taż-żmien.

Interessanti u minuzzjużi huma l-bosta riferimenti toponomastiċi marbutin mal-lokal ta’ Ħal Qormi. Għalhekk jissemmew postijiet bħall-kappella tal-Madonna tal-Ħlas, il-knisja ċkejkna ta’ Santa Marija ta’ Qrejċa, il-pjazza ta’ San Franġisk, l-Erba’ Qaddisin bejn Ħal Qormi u l-Ħamrun, u bosta oħrajn. Hemm imbagħad spazji oħrajn bħalma huwa Sant’Jiermu u l-kalzri li kienu jinsabu fih, imma anki Għawdex.

Bħal kull rumanz storiku tajjeb, Mallia jibni r-rakkont tiegħu fuq fatti storiċi fuq naħa (bħall-persekuzzjoni tal-Lhud matul l-istorja, il-proċess li wassal lil Ħal Qormi biex jinbidel f’Città Pinto, l-imxija qerrieda tat-trabi, il-biża’ mis-sibbien u t-theddida tagħhom fil-Fliegu, il-festa ta’ San Ġwann Għammiedi), u oħrajn mistħajla fuq l-oħra (bħall-pika bejn il-Baruni ta’ Ħal Qormi u l-Gran Mastru Pinto). Mela Il-Baruni ta’ Ħal Qormi mhux nieqes minn tagħrif ta’ natura storika ’l hawn u ’l hinn.

L-istil imħaddem huwa mexxej ħafna, anki permezz tad- djalogar ħaj. Hemm ukoll partijiet djalogati anonimi li jirriflettu l-għajdut tal-popolin. Huma bosta l-waqtiet li jnisslu tbissima fil-qarrej.

Mallia juża l-ittra u l-vers tal-għana bħala parti mill-mekkaniżmi li jżewqu r-rumanz mil-lat stilistiku. Insibu wkoll partijiet fil-korsiv (Kapitlu 16). X’jindikaw dawn eżattament? Forsi l-ġlieda bejn il-moħħ u l-kuxjennza? Hawnhekk tiġi mistoqsija x’inhi l-vera missjoni tar-reliġjuż. Dan jintrabat mar-riflessjoni dwar l-ordnijiet reliġjużi li nsibu lejn l-aħħar parti tar-rumanz wara li nsiru nafu bil-bidla drastika li persunaġġ ewlieni xtaq jagħmel f’ħajtu.

L-ilsien li juża Mallia jinsab bejn id-djalogar sempliċi u l-għarfien eċċellenti tal-idjoma Maltija. Hemm ukoll l-użu tad-djalett mill-Kinu, sid il-ħanut tax-xorb. Interessanti huma anki l-bosta frażijiet li Mallia jinkludi bil-Latin, bil-Grieg, bil-Franċiż u bit-Taljan (rifless ta’ mallia bħala poliglotta). Anki dan jirrifletti b’xi mod jew ieħor is-seklu 18. Ma ninsewx li żmien il-Kavallieri kien wieħed fejn Malta kienet ċentru ta’ bosta familji nobbli mill-Ewropa kollha. Xi drabi tidħol ukoll diretta l-vuċi tan-narratur onnixxenti fejn l-awtur bħal joħloq kuntatt dirett bejnu u bejn il-qarrej.

Mekkaniżmu narrattiv ieħor li Mallia jħaddem tajjeb huwa dak fejn jintroduċi waqtiet ta’ tensjoni wara oħrajn fejn ikun ħakem is-sliem. L-awtur bħal jaħsad lill-qarrej b’avvenimenti mhux mistennija. Drabi oħra jintroduċi personaġġi ġodda (anki passiġġiera, bħall-Bażugri) biex bħal tingħata enerġija ġdida lin-narrazzjoni u lill-azzjoni tar-rumanz.

Mallia jintroduċi numru sabiħ ta’ personaġġi differenti u interessanti, u dan biex ir-ritmu tan-narrazzjoni ma jbattix imma jibqa’ dejjem frisk u mexxej. Tispikka d-deskrizzjoni ħajja tal-personaġġi imma anki ta’ ċerti avvenimenti importanti bħalma hija l-festa ta’ San Ġorġ.

Il-personaġġi rrappreżentati huma marbutin ma’ klassijiet soċjali differenti, inklużi l-ilsiera. Hemm ċerta demokrazija, fis-sens li naqraw b’kavallier li hu anki mastrudaxxa; b’ilsiera li huma ttrattati tajjeb (hekk l-ilsir Tarik jikteb ittra lis-sinjur tiegħu, il-Baruni, fejn jitolbu biex jeħilsu mill-kalzri; huwa lsir li jaf jaqra u jikteb, u anki jesprimi ruħu bi ħsibijiet profondi); b’kappillan li jagħti lezzjonijiet privati lill-kavallier u lill-Farfett; b’mara – is-Sa Ghirlanda – li tifforma parti mill-Kunsill. Mallia jħalli post anki għall-kelb Pagliaccio li bħal jiġbed is-simpatija tal-istess Gran Mastru Pinto. Huma wkoll bosta l-okkażjonijiet fejn Pinto jiltaqa’ mal-poplu Qormi.

Dik li jikteb dwarha Mallia hi soċjetà multinazzjonali u multikulturali – kavallieri, ilsiera Torok, Lhud - li ssib il-benniena tagħha fuq din il-gżira ċkejkna. Il-kappillan jitkellem mal-Lhudi – bejniethom hemm biss rispett u kliem ta’ sliem u għerf.

F’Il-Baruni ta’ Ħal Qormi nsibu wkoll bosta waqtiet ta’ riflessjoni dwar aspetti bħalma huma l-mewt u l-firda u l-uġigħ li ġġib magħha. Inħoss li sentenza importanti li naqraw fir-rumanz ta’ Mallia hija din: “...il-bniedem li ma jistudjax jibqa’ lura. Hawn wisq x’titgħallem, u qatt ma tkun tgħallimt biżżejjed.” Rumanz bħal dak ta’ Mallia jistaqsi wkoll min hu verament il-bniedem?: rikkezzi, unuri, titli, kożmetika, jew bniedem tad-demm u l-laħam kif ġie fid-dinja?

Nispiċċa bil-kliem li bih Karmenu Mallia jtemm ir-rumanz tiegħu: “Pax et Bonum”. Hu kliem li jixraq tassew lil xogħol bħal dan proprju għax ġeneralment mhux rumanz ta’ ġlied, mibegħda u tixrid ta’ demm, imma rakkont fejn jaħkmu l-ftehim, l-armonija u s-sentimenti pożittivi, bi tmiem hieni.

Lill-qarrej nissuġġerilu jaqra wkoll id-Daħla interessanti – miktuba minn bniedem imsajjar sewwa u mimli għerf - li Mallia jikteb għal dan il-ktieb. Jiena qrajtha darbtejn, darba qabel ma bdejt naqra r-rumanz u darb’oħra wara li temmejtu. Fhimt aħjar il-frażi, “Il-kotba bdew jgħallmuni, bdew iġegħluni nkun fuq ix-xwiek biex nara x’fiha dil-borża magħluqa li nsejħilha ħajja.”


Patrick Sammut jintervista lil Carmel Mallia

1. Xtaqt nibda billi tgħidilna xi ħaġa fil-qosor dwarek bħala tifel u dwarek bħala bniedem imsajjar sewwa u ta’ esperjenza kbira.

Jien twelidt Ħal Qormi fl-1929. Mort l-iskola tal-Gvern t’hemm u wara s-Seminarju. Sadattant kont abbati. Meta kelli għoxrin sena dħalt mal-Ġiżwiti. Għamilt sentejn novizzjat u sentejn oħra studju klassiċi n-Naxxar; tliet snin filosofija, Franza, u sentejn ngħallem il-Franċiż u l-Istorja fil-Kulleġġ San Alwiġi, minn fejn ħallejt l-Ordni.

Bdejt ngħallem imma segwejt kors għall-Ispetturi tas-Saħħa fejn akkwistajt diploma mill-Health Institute ta’ Londra. Aktar tard għamilt kors tan-Naturopatija (mediċina alternattiva) fejn ħadt id-dottorat tiegħu, imma qatt ma wżajtu fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Kien biss kors ta’ aġġornament u tagħlim ġdid.

Meta kelli mal-50 sena mietet marti, is-Sopran Hilda xebba Tabone. Għandi żewġt itfal, it-tewmin John u Mario, illum miżżewġa u bit-tfal.

2. Inti tikteb il-poeżija anki bil-Franċiż u bl-Esperanto, u għandek għarfien tal-Ispanjol. Qlibt saħansitra versi ta’ San Ġwann tas-Salib għall-Malti. Minn fejn bdiet din in-namra ma’ dawn l-ilsna barranin?

Il-Franċiż tgħallimtu sew fi Franza fejn kont studjajt il-filosofija flimkien mal-lingwa Franċiża; wara ġibt id-diploma tal-BA Hons (Lond) fih. Fis-sena 1970, kelli sitt xhur skolarxip tal-Gvern Franċiż meta f’Pariġi studjajt il-Food Hygiene & Hotel catering.

L-Esperanto studjajtu waħdi b’kors ta’ korrispondenza mill-British Esperanto Ass. ta’ Londra minn fejn ħadt il-Liċenzjat fih.

Min-naħa l-oħra, is-Seminarju kont tajjeb ħafna fil-Latin u t-Taljan. L-Ispanjol studjajtu waħdi.

Imma naħseb li l-ġibda għal-lingwi qiegħda fija. Kif ma nafx. Forsi don, ma nafx.

3. Għaliex wieħed iħoss il-bżonn li jitgħallem l-Esperanto ladarba bħalek ikollu konoxxenza tajba ta’ bosta ilsna oħra?

Il-lingwi sbieħ. Imma kemm tista’ titgħallem lingwi? U qatt tista’ titgħallimhom sal-qiegħ? L-Esperanto ħajjarni l-ewwelnett għax ħafif, allavolja trid tistudjah xorta, għax ma tistax tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqek. It-tininett minn dejjem kelli l-ħajra nużah biex naqleb xogħlijiet letterarji Maltin bih biex il-letteratura tagħna tkun xi ftit magħrufa barra minn xtutna. U naħseb li xi ftit irnexxieli. Kont nieħu gost nara x’interess kienu jieħdu l-esperantisti minn madwar id-dinja fid-diskorsi tiegħi bl-Esperanto fuq l-Istorja ta’ Malta u fuq il-letteratura Maltija f’xi kungressi tal-Esperanto li attendejt, ngħidu aħna f’ Varsavja (Polonja), Budapest (Ungerija) u Montpellier (Franza).

4. Liema huma x-xogħlijiet tiegħek għal qalbek l-aktar? Semmi tnejn marbutin mal-poeżija u tnejn mal-proża. Għaliex?

Kull artist, u awtur hu artist, ikun iħobb xogħlijietu kollha l-istess. Biss preferenzi jkollu. Min-naħa tiegħi, l-aktar żewġ ġabriet ta’ poeżija għal qalbi huma: Lapislazzuli (2001) u Distre-Libere (bl-Esperanto: 2005). Imma għandi għal qalbi wkoll l-ewwel antoloġija ta’ poeti Maltin bl-Esperanto (1985), fejn hemm it-traduzzjoni tiegħi ta’ ‘Il-Jien u Lilhinn Minnu’ ta’ Dun Karm flimkien ma’ ‘Il-Ġifen Tork’ ta’ Ġananton Vassallo, fost poeti oħra.

Żewġ xogħlijiet tiegħi ta’ proża: L-ewwel rumanz tiegħi bl-Esperanto: Ĉielarka Estonto (Ġejjieni lewn il-Qawsalla) (2002), ippublikat l-Amerika, u rumanz li nittama ma jdumx ma jidher: ‘Tal-Aħħar Ibaħħar’ fuq sfond tal-aħħar jiem il-G.M. Hompesch b’relazzjoni ma’ Ħaż-Żabbar. Għalkemm ‘Il-Baruni ta’ Ħal Qormi’, bi sfond ta’ żmien il-G.M.Pinto b’relazzjoni ma’ raħal twelidi Ħal Qormi, hu għal qalbi wkoll.

5. Bħala kittieb tat-tnejn, liema ġeneru letterarju huwa għal qalbek l-aktar? Kif tħares lejn il-poeżija u lejn il-proża meta tiġi biex tikteb?

Ommi minn dejjem kienet tgħidli li aħna niġu minn Ġużè Muscat Azzopardi. In-nannu tiegħi min-naħa t’ommi kunjomu Muscat. Kultant ngħid li forsi writt il-ħajra li għandi għall-kitba minn għandu. Biss aktar tard sirt naf li Ġużè kien ukoll membru tal-ewwel moviment esperantista fil-bidu tas-seklu l-ieħor meta kienu jmexxu l-Ispiżjar Arkanġlu Agius, it-Tabib Gustav Busuttil li kien jaqdi n-nies fl-ispiżerija ta’ Agius l-Imsida, u l-magħruf Agostino Levanzin, ġurnalista ieħor.

Il-ġenru li l-aktar hu għal qalbi hi l-poeżija. Barra dawk ix-xogħlijiet li ġa ħriġt, għad għandi tliet ġabriet oħra ta’ poeżiji fil-kompjuter. Meta se jidhru ma nafx.

Proża nikteb ukoll, għax għandi artiklu kulturali kull xahar li jidher fuq waħda mill-gazzetti lokali. Ir-rumanz sar għal qalbi wkoll. Imma naħseb li wara li ktibt ħamsa u ieħor qed jinkiteb, naħseb li issa l-ftila waslet biex tinħela.

6. Tħoss li f’dan pajjiżna hawn bosta limitazzjonijiet meta wieħed jiġi biex iberraħ u jaqsam xogħlijietu letterarji ma’ ħaddieħor? Kif tikkumpensa għal dan in-nuqqas?

Hawn, limitati wisq, mhux biss minħabba ċ-ċokon tal-art li wellditna imma wkoll u forsi l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ interess. U mbagħad hawn ħaġa li ġġiegħlek titnikket: iħarsu wisq lejn l-uċuh, id-diżgrazzja ta’ Malta. Allura trid tfittex u tittallab għalkemm ħafna drabi jkun kollu għalxejn. Darba rumanz tiegħi żammewhuli ħdax-il sena u daqshekk qagħdu jittamawni. Darba oħra sitt snin u biex ħadtu lura... aħjar ma nkomplix.

7. Liema huma l-kittieba lokali u dawk barranin għal qalbek l-aktar?

Fuq il-kittieba lokali aħjar ma ngħid xejn. Hekk l-aħjar. Kittieba barranin: hawn tfajtni f’baħar immens. Insemmi ftit: (Spanjoli): Garcia Lorca, San Ġwann tal-Salib; (Franċiżi): Paul Claudel, Leconte de Lisle, Victor Hugo, Vigny, Beaudelaire, Chenier, Mallarmé, Balzac, Racine, Rousseau, Lamartine, Voltaire. Semmejthom kif ġew f’moħħi u bla preferenzi; (Esperanto): l-aktar Zamenhof, l-awtur tal-Esperanto li kien qaleb għall-Esperanto t-Testment il-Qadim kollu mil-lingwi oriġinali (billi kien Lhudi). Dax-xogħol qiegħed fost il-kotba li għandi u ngħożżu tgħidx kemm. Barra dan, hemm ħafna awturi oħra li ismijiethom ma jgħidu xejn għall-qarrejja. Insemmi biss lil Dr Marjorie Boulton, awtriċi esperantista Ingliża li għadha mimlija bl-għomor għalkemm xiħa u li kienet hi li għarblitli l-ewwel versi tiegħi bl-Esperanto; (Taljani): hemm ħafna awturi li nħobbhom, l-aktar poeti: Dante, Leopardi, Foscolo, Carducci, Manzoni, Giusti, D’Annunzio, e bella compagnia.

8. Għandek rabtiet ma’ kittieba kontemporanji li jgħixu lil hinn minn xtutna?

Għandi ħafna. L-aktar fejn jidħlu l-publikazzjonijiet. Jien nikteb fuq tliet rivisti esperantisti: ‘Literatura Foiro’ (Fiera Letterarja) li toħroġ l-Italja imma b’editur Bulgaru; Belarta Almanako (Almanakk letterarju), joħroġ l-Amerika b’editur Ġermaniż li joqgħod hemm, u ‘Mirmekobo’ (isem ta’ annimal Awstraljan) rivista elettronika maħruġa minn esperantista Amerikan jgħix l-Awstralja.

Apparti minn dan, jien wieħed mit-tliet ġudikanti għall-konkors ta’ poeżija internazzjonali bl-Esperanto, imniedi kull sena mill-Universala Esperanto-Asocio (L-Assoċ. Universali tal-Esperanto), u għalhekk ikolli ħafna relazzonijiet ma’ awturi barranin. It-tliet ġudikanti l-oħra huma poeta esperantista miċ-Ċina u poetessa esperantista mill-Islandja.

Jien ukoll president tal-Malta Esperanto-Societo lis-sena d-dieħla tagħlaq ħamsin sena. Allura bilfors ikolli relazzjoni kbira mad-dinja esperanista, għalkemm naqqast ħafna.

9. Naf li inti tuża regolarment l-internet u l-e-mail. Kemm huma utli dawn għal min jinsab fil-pożizzjoni tiegħek?

Illum dawn ma tgħaddix mingħajrhom U mbagħad bħalma għedt int għal wieħed bħali. Kemm biex tikkomunika kif ukoll biex tfittex tifsir xi kliem. Taf kemm taf, qatt ma taf kollox.

10. L-aktar xogħol reċenti tiegħek huwa r-rumanz Il-Baruni ta’ Ħal Qormi. Kif twieled xogħol bħal dan? Għaliex taħseb li r-rumanz storiku għadu jappella għall-qarrej Malti tal-lum?

Emminni ngħidlek li ma nafx il-‘Ġenesi’ tiegħu. Naf li qablu kont ktibt xi ħaġa oħra storika. Barra minn hekk, Pinto nnifsu jirribellani minħabba l-ideat u l-imġiba tiegħu fil-ħajja ta’ missirijietna, għalkemm il-Gran Mastri kienu kollha ta’ pezza waħda. Ir-relazzjoni tiegħu ma’ Ħal Qormi tieqaf biss meta ħalla ismu mkaħħal miegħu, li għal dak iż-żmien kien unur kbir biex ma ngħidx ukoll l-ewwel unur li ngħata lil raħal Malti. Ma’ Ħal Qormi qatt ma kellu x’jaqsam aktar. Jien fir-rumanz tiegħi daħħaltu żżejjed u inċensjatu żżejjed ukoll, u dan minħabba l-immaġinazzjoni biex bnejt dar- rumanz.

Għall-mistoqsija l-oħra: ma nafx jekk ir-rumanz storiku jappellax lill-qarrejja llum jew le. Jien ktibtu hekk, minħabba li żmien il-kavallieri dejjem jibqa’ żmien kulurit, divertenti barra milli hu xi ftit enigmatiku wkoll.

11. Kif tħares lejn il-kittieba żgħażagħ Maltin tal-lum? Liema huma l-aspetti pożittivi u negattivi li jolqtuk f’dan ir-rigward?

Għal dil-mistoqsija nwieġeb biss li qed nara ħafna prużunzjoni f’kull qasam tal-arti, mhux l-inqas fil-kitba, anzi aktarx aktar fil-kitba. Is-serjetà kulturali marret il-baħar. Ma ngħidx li m’hemmx ilħna tajbin u ta’ min jammirahom, imma t-tassew tajbin trid tfittixhom bil-fanal biex issibhom. Ħafna jidhru li laħqu s-sema b’idhom u li għax qabdu l-pinna f’idhom saru xi Chateaubriand jew Keats jew Pirandello.

12. Aktar proġetti tiegħek għall-ġejjieni?

Jien dejjem nikteb. Ma niswa għalxejn aktar biż-żmien li għandi u bl-ajmiet li kważi nħoss ma’ ġismi kollu. Naqra wkoll. Bla qari ma tista’ tagħmel xejn. U nikkorrispondi. Naqra ħafna e-mails imma tliet kwarti tagħhom neqridhom mill-ewwel minħabba t-tul tagħhom. M’għadx għandi paċenzja. Imma mill-ftit ta’ ħajja li baqagħli nieħu li nista’. Wieħed mill-gosti tiegħi llum hu li nsegwi l-ideat filosofiċi u teoloġi kurrenti. Ftit tas-snin ilu ħadt kors b’‘distance learning’(u allura bil-kompjuter) mill-Amerika fuq il-Bibbja, bdejt mill-Ġenesi u spiċċajt bl-Apokalissi. Għall-Master’s għamilt teżi fuq San Pawl, u għad-dottorat teżi fuq il-Profeta Iżaija. U tawhomli t-tnejn ‘summa cum laude’. Minn dal-kors intensiv tgħallimt ħafna u tgħallimt ukoll inneħħi l-għanqbut li kienu wikkewna bih fil-knejjes fl-antik.

Issa t-tama kollox, imma fl-aħħar ukoll it-tama trid tgħib: ‘ultima dea’ l-aħħar alla (qawwa li tmexxina), kien laqqamha awtur Latin.

Darba editur ta’ gazzetta li m’għadhiex toħroġ kien kitibli fiha biex jikkuljunani: “Min jgħix bit-tama, imut bil-piena.” Wara ftit waqfitlu l-gazzetta tiegħu.