Thursday, October 20, 2011

L-Għaqda Poeti Maltin tfakkar il-Poeta Nazzjonali

Il-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa.

Is-Segretarju, Charles Magro.

Il-viċi-President, Patrick Sammut

Quddiem udjenza sabiħa ferm fir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta, l-Għaqda Poeti Maltin organizzat Serata biex tfakkar il-50 sena mill-mewt ta' Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali tagħna. Dan seħħ nhar is-Sibt, 15 ta' Ottubru, 2011, fis-6.30 p.m.

F'diskors qasir il-President, Alfred Massa, qal li jekk l-Għ.P.M. fl-imgħoddi fakkret diversi poeti lokali, kemm kien xieraq tfakkar lil Dun Karm. Massa ssokta jgħid li lil dan il-poeta kbir tagħna tawh diversi titli, fosthom dawk ta' Poeta Nazzjonali, Poeta tal-Protesta u Poeta tat-Tama. Hu kkwota lill-Prof. Ġuże' Aquilina li f'artiklu fil-ħarġa speċjali tar-rivista Il-Malti (1986) kiteb illi biex wieħed jifhem tajjeb lil Dun Karm irid jifhem iż-żmien li għex fih. Fl-aħħarnett, il-kelliem irrefera wkoll għal kliem ta' Ġuże' Chetcuti, li Dun karm għadu u jibqa' magħna minħabba l-wirt kbir li ħallielna.

Fis-Serata nqraw kemm poeżiji ta' Dun Karm, oħrajn miktubin mill-membri tal-Għaqda Poeti Maltin u dedikati lilu, u xogħlijiet kritiċi dwar temi mill-versi dunkarmjani, fosthom dwar Dun Karm u ommu (Joseph Sciberras) u dwar il-lessiku Romanz fil-poeżija bil-Malti tal-Poeta Nazzjonali (Chris Sciberras). Instemgħu wkoll xi Innijiet b'arranġament ta' Mro Joe Vella kantati mill-Kor Għawdxi Laudate Pueri.

Is-Serata tmexxiet mis-Segretarju tal-Għ.P.M., Charles Magro.

No comments: