Friday, May 27, 2011

Kitba ohra tieghi fuq Il-Gens online

Tkompli s-sensiela "Niftakar żmien..." (4) fuq il-Gens online:

Bil-ħajku Nsellimlek: Mill-Ġappun għal Malta u lura

Miġbura minn Terence Portelli

ISBN 978-99957-0-020-1

56 pagna

Il-ħajku hu poeżija qasira ta’ sbatax-il sillaba mifruxa fuq tliet versi li jaf il-bidu tiegħu fil-Ġappun. Ħafna drabi t-temi ewlenin tiegħu huma n- natura u l-bdil fil-ħajja mal-mogħdija tal-istaġuni.

Din il-ġabra ta’ aktar minn mitejn ħajku bil-Malti hi turija tas-solidarjetà li għoxrin kittieb jixtiequ juru mal-poplu Ġappuniż wara t-terremot u t-tsunami ta' nhar il-11 ta’ Marzu 2011.

Il-kittieba tal-ħajku f'din il-ġabra huma: Carmel Attard, Josette Attard, Louis Briffa, Anton Buttigieg, Manwel Cassar, Franco Debono, Victor Fenech, Joe Friggieri, Oliver Friggieri, Sergio Grech, Maurice Mifsud Bonnici, Manwel Nicholas-Borg, Ġorġ Peresso, John P. Portelli, Terence Portelli, Anselm Sciberras, John Sciberras, Joseph Sciberras, Lino Spiteri, u Frank Zammit.

Il-qligħ kollu minn din il-pubblikazzjoni se jmur għas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar. Jinsab għall-bejgħ mingħand l-Agenda Bookshops u xi ħwienet oħra tal-kotba.

Sunday, May 22, 2011

MALTA TIPPARTEĊIPA F’KONFERENZA DWAR IL-LINGWI U FIL-KOMPETIZZJONI TONGUE STORIES.



(Fir-ritratti Therese Pace tidher mal-Ambaxxatur Malti u l-Konslu Ġenerali (Fuq);

u waqt iċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premji (Taħt) )


Il-multilingwiżmu u l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi kien is-suġġett ta’ konferenza li nżammet dan l-aħħar fi Brussell bħala attività speċjali abbinata maċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet lir-rebbieħa nazzjonali tal-konkors Tongue Stories. Dan il-konkors ġie mniedi mill-Kummissarjat tal-Edukazzjoni, Kultura, Multilingwiżmu u Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea fejn il-pajjiżi membri ġew imħajra jipparteċipaw permezz ta’ storja ċkejkna, fotografija jew video li jtellgħu fuq l-internet biex juru kif il-lingwi għenuhom fil-ħajja tagħhom. Kulħadd seta’ jivvota għall-kontribut li l-iktar għoġbu u ġurija nternazzjonali ħadet ħsieb li kollox jimxi sew. Minn kull pajjiż membru, intagħżel rebbieħ nazzjonali li mbagħad ġie mistieden għal żjara fi Brussell biex jiltaqa’ u jitħallat mar-rebbieħa sħabu l-oħra u għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet li seħħet fil-Kamra Walter Hallstein tal-binja Berlaymont fejn isiru regolarment laqgħat biex jittieħdu deċiżjonijiet importanti għall-Ewropa. Dan l-avveniment li seħħ fl-10 ta’ Mejju 2011, intwera live fuq l-internet.

Malta ipparteċipat f’dan l-avveniment permezz ta’ Therese Pace, kittieba ta’ poeżija b’diversi lingwi kif ukoll proża li għal din il-kompetizzjoni kitbet rakkont li seħħ tassew u li kien l-iktar ivvutat minn dawk Maltin. Għalhekk hija ġiet mistiedna biex flimkien mar-rebbieħa Ewropej l-oħra tieħu sehem f’din l-avventura kulturali. Hemmhekk, ir-rebbieħa żaru diversi binjiet li għandhom x’jaqsmu mal-Unjoni Ewropea kif ukoll attrazzjonijiet turistiċi tal-lokal. Il-qofol tal-programm li tħejja għalihom intlaħaq fiċ-ċerimonja nnifisha fejn wara li tħabbru r-rebbieħa ta’ kull pajjiż, tħabbru wkoll tliet rebbieħa Ewropej li l-kontribużżjonijiet tagħhom fil-konkors ġew meqjusa bħala l-aħjar. Hija ħadet l-opportunità biex kif tkun hemm, tagħmel żjara f’Dar Malta lill-ambaxxatur Malti fil-Belġju, is-Sur Pierre Clive Agius kif ukoll lill-Konslu Ġenerali Ms Annabelle Shawish Mifsud. Waqt din il-laqgħa kordjali Therese Pace ippreżentatilhom xi kotba tagħha kif ukoll ta’ Carmel G. Cauchi u ta’ Lina Brockdorf biex jintużaw fl-iskola Ewropea.

Fil-konferenza li ħadet sehem fiha Therese Pace, intqal dak kollu li l-Unjoni Ewropea għamlet jew tixtieq tagħmel biex tilqa’ l-isfidi tal-preżent u tal-futur, biex tippromwovi iktar l-importanza tat-tagħlim matul il-ħajja kollha kemm hi, biex tħeġġeġ iktar iċ-ċittadini jitkellmu b’diversi lingwi, biex tiftaħ, permezz tat-tagħlim, orizzonti ġodda għall-immigranti li qed ifittxu kenn fl-Ewropa, kif tkattar ix-xogħol permezz taċ-ċaqliq fl-impjiegi, kif tiġġieled il-fatt li ħafna tfal sfortunatament jitilqu mill-iskola kmieni wisq, kif tiżviluppa dottorati f’suġġetti relatati mal-industrija bħall-Matematika, Xjenza, Teknoloġija u Inġinerija, kif ittejjeb il-ħiliet taċ-ċittadini membri tagħha u diversi temi oħra. Wara, kien hemm it-testimonjanzi ta’ żewġ personalitajiet magħrufa li kienu Dani Klein, kantanta tal-band Vaya Con Dios u taċ-ċellist David Cohen, li t-tnejn stqarrew li l-lingwi tawhom imbuttatura kbira fil-karriera tagħhom għax kienu kapaċi jikkomunikaw skont il-bżonnijiet li ltaqgħu magħhom. Fl-aħħar, ir-rebbieħa tal-konkors ingħataw iċ-ċertifikat u t-trofew tagħhom u ttieħdu r-ritratti tal-okkażżjoni. Hija ġiet ukoll intervistata għal ġurnal Rumen u offruta traduzzjoni ta’ xi poeżiji tagħha.

Skont dak stess li stqarret Lisbeth Rossmeissl, il-moħħ wara dan il-proġett, l-avveniment serva biex iqarreb iktar iċ-ċittadin mal-irjus il-kbar u l-mexxejja tal-Unjoni għax hi temmen u tinsisti li l-Ewropa hija ċ-ċittadini kollha Ewropej u mhux Brussell biss u sewa wkoll biex ipoġġi fuq l-istess staffa l-pajjiżi membri kollha. Inizjattivi ta’ dan it-tip huma ta’ min ifaħħarhom u ta’ min jieħu sehem fihom għax it-taħlit tal-lingwi u tal-kulturi flimkien jagħmlu Ewropa iktar arrikkita soċjalment u mentalment kif ukoll ikattar it-tagħrif dwar il-pajjiżi membri f’ambjent san ta’ ħbiberija.


Ara dawn il-links:


http://www.foreign.gov.mt/default.aspx?MDIS=354

www.maltamedia.com