Sunday, July 08, 2012

Tislima lil J.J. Camilleri


Twieled il-Mosta u wara l-primarja kompla jistudja l-Liċeo. Iggradwa mill-Kulleġġ tat-Taħriġ tal-Għalliema u fl-1964 ħa l-B.A. mill-Università ta’ Malta u għamel studji fuq l-edukazzjoni fl-Istitut tal-Edukazzjoni ta’ Londra fejn ħa l-Associateship of the Institute of Education. Ħa l-grad ta’ M.A. bir-riċerka fuq l-edukazzjoni lokali fis-seklu dsatax bit-teżi Can. P. Pullicino, His Life and Place in the History of Local Educational Development (1968). Bħala professjoni kien għalliem u lekċerer fl-Università u kellu bosta karigi fosthom ta’ kap ta’ skola u Chairman tal-Bord Konsultattiv tal-Edukazzjoni. Huwa kien eżaminatur u membru ta’ bosta kumitati u kunsilli fosthom tal-Awtorità tax-Xandir. Xandar għadd ta’ programmi mir-radju fosthom Mill-Arkivji ta’ Santu SpirtuIl-KonsumaturL-Edukazzjoni ta’ Wliedna.

J.J. Camilleri kien imsieħeb fil-Moviment Qawmien Letterarju kif ukoll fl-Akkademja tal-Malti. Ko-awtur fl-antoloġiji poetiċi Kwartett (1965) u Antenni (1968). Kiteb ħdax-il rumanz, fosthom Aħna Sinjuri (1965, 1991), L-Għar tax-Xitan (1973, 1982), Is-Sejħa ta’ l-Art (1974), Ulied il-Qawsalla (1992), Luteru (1998),Illum f’Daqqa Waħda (2002), Ħabbejtkom it-Tnejn (2003), Riħ ta’ Siegħa (2006), Kriżi ta’ Mħabba u huwa awtur ta’ għadd kbir ta’ xogħlijiet li jifirxu fuq għadd ta’ suġġetti: riċerka dwar l-istorja, il-folklor, l-ambjent lokali, drammi, poeżiji u novelli.