Tuesday, August 07, 2012

L-Għaqda Poeti Maltin fil-Kalkara


Nhar il-Ġimgħa, it-3 t’Awwissu 2012, l-Għaqda Poeti Maltin bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara organizzat serata Letterarja fix-xatt tal-Kalkara.  Is-serata li bdiet fis-sebgħa ta’ filgħaxija, kienet imżewqa b’waqtiet ta’ mużika permezz tas-sinjuri  Miriam  u Ray Ellul u s-Sur Paul Buhagiar.  Matul is-serata spikka wkoll it-talent lokali tal-Kalkara permezz tal-kantanti żgħażagħ Ann Marie Mifsud u Joanna Mifsud.   
Fetaħ il-Lejla, il-President tal-Għaqda, is-Sur Charles Magro, li għamel kelmtejn tal-okkażjoni.  Is-Sur Magro sostna li l-poeta għandu din l-imħabba kbira għall-poeżija.  Semma wkoll kif l-Għaqda Poeti Maltin torganizza dawn is-serati fl-irħula sabiex bosta poeti, anke jekk mhumiex dawk stabbiliti, jaqraw ix-xogħlijiet tagħhom.  Matul is-serata nqraw diversi poeżiji minn dawk li kienu preżenti, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.  Spikkat it-tema soċjo-ambjentali, għalkemm ġew ittrattati anki temi oħra.
Fl-aħħar, is-Sindku tal-Kalkara, is-sur Michael Cohen, li kien preżenti matul is-serata, għamel kelmtejn tal-għeluq.   Is-Sur Cohen rringrazzja lis-Sur Omar Seguna, Segretarju Internazzjonali tal-Għaqda Poeti Maltin, li kien il-moħħ wara serata bħal din, u tenna li huwa pjaċir għalih u għall-Kunsill tal-Kalkara li jsiru attivitajiet bħal dawn  u stqarr li huwa lest li fil-futur tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kunsill u l-Għaqda Poeti Maltin.  
Wara l-Lejla ta' Poeżija u Mużika kien hemm ukoll bibita.