Monday, October 29, 2012

Intervista ma' Emmanuel Attard Cassar


1.      Min huwa Emmanuel Attard Cassar bħala bniedem? Passatempi, familja, professjoni u l-bqija.

Jiena twelidt fit-23 ta’ Marzu 1956 fi Gwardamangia, eżattament fl-isptar San Luqa. L-ewwel 41 sena tiegħi għixthom fil-Furjana sakemm iżżewwiġt u mort noqgħod il-Qrendi. Għixt għal xi żmien Buġibba u llum noqgħod Ħ’ Attard. Jiena u marti Maria għandna żewġt itfal (adottati) li jisimhom Valentina u Jack. M’għandniex xi ngħidu dawn huma l-mimmi t’għajnejna.

Jiena iggradwajt mill-Università ta’ Malta bħala għalliem tal-matematika. Wara sentejn ngħallem irċevejt ‘scholarship’ mogħti mill-Gvern Taljan u studjajt ġewwa Pisa fejn iggradwajt fix-Xjenza tal-Informazzjoni. Illum ngħallem dan is-suġġett fil-Junior College.

Nista’ ngħid li s-suġġetti li studjajt huma l-passatempi prinċipali tiegħi flimkien mas-suġġett tal-Fiżika. Inħobb ukoll nikteb poeżiji u stejjer qosra. Passatemp ieħor ta’ mistrieħ kbir għalija hija l-mużika ‘leggera’ Taljana kif ukoll l-ambjent tal-ispettaklu Taljan.  Dan l-aħħar passatemp beda fi żmien Canzonissima fis-snin sebgħin jiġifieri ħafna qabel ma jien mort nistudja ġewwa l-Italja.

     2.      Liema huma dawk il-waqtiet meta tikteb l-iktar? Ġeneralment tikteb meta tkun għaddej minn waqtiet koroh jew waqtiet henjin? Liema huma l-ispazji l-aktar għal qalbek meta tikteb?

L-ewwel poeżija li ktibt kien jisimha ‘Waħdi’. Kelli 18-il sena u l-poeżija kienet tittratta s-solitudni li kont ninsab fiha. L-istudju nessieni xi ftit mill-poeżija imma mhux mis-solitudni li dejjem ħassejt anki jekk jien twelidt f’familja kbira ta’ ħames subien u kont ngħix f’post iffullat bin-nies u f’subborg mimli ħajja.

Erġajt bdejt nikteb meta kont Pisa u ktibt ‘Lerici’ (bit-Taljan) meta żort dan il-post. Kont hawn influwenzat minn student ieħor Malti li kien jistudja l-letteratura u li miegħu qsamt ħafna vjaġġi madwar it-Toskana u anki ’l barra minnha. Anki f’dan iż-żmien meta kont ’il bogħod mid-dar kont maħkum minn solitudni illi żdiedet wara l-mewt ta’ missieri. Ġewwa Pisa jiena ktibt l-ewwel rakkont qasir tiegħi (bit-Taljan ukoll) bl-isem ta’ ‘Coriandoli’.

Qed niftakar li l-ewwel esperjenzi tiegħi ta’ kitba kienu f’fuljett li kienet toħroġ it-taqsima tal-MUSEUM tal-Furjana (kont għadni tifel) imbagħad f’fuljett li kien joħroġ iċ-Ċentru Żgħażagħ Kappuċċini (fl-istess żmien li bdejt nikteb il-poeżija).

Biex nikteb irrid inkun waħdi. Naturalment l-aktar ħin ideali huwa filgħaxija jew filgħodu kmieni. Matul il-jum jistgħu jiġuni xi ħsibijiet jew ideat u dawn inniżżilhom fuq karta biex insib ħin u niżvilluppahom.

      3.      X’tippreferi: il-kitba tal-poeżija jew tal-proża? Għaliex? Liema huma l-punti favur u kontra ġeneri letterarji bħal dawn skond inti?

L-aktar li ktibt huma poeżiji. Imma l-proża nħobbha wkoll. Fil-fatt il-poeżija tiegħi hi pjuttost prożajka.

Pero` ma nħossx li għandi xi preferenza. Nieħu gost nikteb proża meta jkolli storja tajba. Bħalissa għaddej minn perijodu fejn qed nikteb aktar proża. Il-poeżija bħalissa qed niktibha kważi għall-okkażjonijiet biss. Din it-tip ta’ poeżija jkun hemm min qed jistenniha.

Hawn min jgħid li m’għandniex niktbu għall-okkażjoni imma għandna niktbu meta nħossu l-ispirazzjoni. Nifhem, imma nħoss li l-poeżija tal-okkażjoni għandha l-importanza tagħha. Anki jekk forsi mhux dejjem tkun ta’ ċertu livell letterarju, il-poeżija tal-okkażjoni tgħaqqad lin-nies flimkien u żżid il-ħbiberiji. Hija dik li jien insejjaħ ‘poeżija soċjali’.

In-nies tħobbha l-poeżija u n-nies għandha l-‘poet laureate’ tagħha anki fi gruppi żgħar. Jista’ jkun il-poeta tar-raħal, jew il-poeta ta’ każin jew xi grupp reliġjuż, jew anki l-poeta ta’ familja. Minnu mistenni li jiċċelebra bil-poeżija.

Kemm il-proża kif ukoll il-poeżija jafu jwasslu messaġġ, inisslu tbissima u jagħtu tagħlima. Id-differenza ma tagħmilhiex il-forma, jiġfieri jekk hix proża jew poeżija imma l-id ta’ min qed jikteb (jew tikteb). Min jikteb irid ikollu l-kapaċità tal-istil kif ukoll ir-responsabbiltà li jkun ġust.
     
     4.      Liema huma dawk it-temi li tikteb dwarhom? Liema stili ta’ kitba tuża l-aktar fi vrusek, dawk tradizzjonali jew dawk moderni? Għaliex dan?

L-istil tal-poeżija tiegħi hu l-aktar dak tal-vers ħieles. Il-poeżiji tiegħi normalment ikunu qrib it-tletin vers u ġieli anki iqsar. Nikteb l-aktar dwar it-temi li wara kollox huma universali: il-familja, l-imħabba u temi soċjali. Fil-proża nikteb l-aktar dwar temi soċjali b’referenzi politiċi. Nikteb ukoll stejjer umoristiċi.

Ngħid ukoll li nħobb inkun ċar f’dak li nikteb. Meta naqra niddejjaq meta ma nifhimx u allura niddejjaq jekk xi ħadd ma jifhimx dak li nikteb. Hawn min jgħid li kitba irid jinterpretaha min jaqraha qisu li tnejn jistgħu jinterpretaw b’mod oppost l-istess kitba. Dan l-istil modern lili ma jogħġobnix.  Kif għidt qabel, meta naqra rrid nifhem u meta nikteb irrid min jifhimni.

     5.      Spiss dak li niktbu huwa dak li aħna. Kemm taqbel ma’ dan? Japplika fil-każ tiegħek?

Hekk għandu jkun imma mhux dejjem hu hekk. Jista’ jkun li min jibda jikteb ikollu xi jxekklu minn dak li jkun iħoss verament. Jista’ jkun li min jikteb ikollu preġudizzji li jrid jinħall minnhom biż-żmien jew per eżempju karattru fraġli li ma jħallihx jikkritika lil min ikun ħaqqu jkun ikkritikat. Jista’ (u spiss jiġri) li jħossu skomdu jikkritika lil xi ħadd li jkun ilu jafu jew (Malta żgħira) li jkun jiġi minnu.

Inħoss li mhux tant faċli tkun onest. Imma jeħtieġ li tkun anki jekk dan iġib miegħu konsegwenzi. U jien? Jiġġudikani ħaddieħor.

     6.      Temmen li l-poeżija għandha tkun kumplessa, ermetika, diffiċli biex tinftiehem? X’għandhom ikunu l-elementi ewlenin li jagħmlu poeżija tajba skond inti?

Diġà tajt tweġiba għal dan. Ma naqbilx mal-ermetiżmu. Jista’ jkun eżerċizzju akkademiku interessanti. Jista’ jipprovoka analiżi psikoloġika li twassal għal xi għarfien. Iva. Imma ma naħsibx li barra ċ-ċirku tal-istudjużi din it-tip ta’ kitba għandha xi validità.

Għalija l-kitba trid tkun mifhuma minn kulħadd. Dan ma jfissirx li se tkun mifhuma minn kulħadd fuq l-istess livell. Per eżempju, storja jista’ jkollha tifsiriet kulturali u storiċi li ma jkunux magħrufa minn kulħadd. Imma dan ma jfissirx li min m’għandux dan it-tagħrif ma jistax jifhem l-istorja.

Poeżija tajba nħoss li għandu jkollha ritmu u espressività li jridu jikkumplimentaw lil xulxin. Ir-ritmu hu importanti bħalma hi importanti l-vuċi meta titkellem. Tista’ tkun vuċi baxxa imlissna b’dispjaċir jew għolja mlissna bir-rabja. Dan, naturalment, irid jinħass fil-kitba.

Imbagħad hemm l-espressività. Hawn tgħin ħafna l-metafora għalkemm mhix bilfors neċessarja dejjem. Naħseb li kittieb jew poeta kbir hu f’dan il-qasam li jinqata’ mill-oħrajn f’dak li hu livell letterarju. Tnejn jistgħu jikkundannaw il-gwerra, per eżempju, imma wieħed jista’ jesprimi dak li qed jgħid b’lingwaġġ superjuri.

     7.      Għal min huma intiżi l-poeżiji tiegħek?

Għal kulħadd. L-unika differenza hija l-età. Jien ukoll għandi xi kitbiet għat-tfal.

    8.      Inti tikteb biss bil-Malti jew anki b’ilsna oħra? Dan tqisu bħala vantaġġ jew żvantaġġ? Għaliex?

Twelidt Malti u dejjem tkellimt bil-Malti (barra naturalment is-snin li qattajt l-Italja fejn ukoll, wara kollox, kelli l-kumpanija ta’ studenti Maltin oħra) u allura hu naturali li nesprimi ruħi l-aħjar bil-Malti. Nikteb ukoll bit-Taljan u bl-Ingliż imma ma nħossx ħakma tal-lingwa f’dawn l-ilsna bħal ma nħoss fil-Malti.

Naħseb li hu tajjeb li persuna tkun taf b’lingwi oħra partikolarment bl-Ingliż speċjalment illum li d-dinja, permezz tal-Internet u l-ivvjaġġar, qed issir, kif jingħad, villaġġ globali wieħed.

     9.      Naf li inti kont spiss involut attivament f’Għaqdiet Letterarji differenti. X’inhu s-sabiħ ta’ impenn bħal dan?

Hu dejjem sabiħ li inti tkun preżenti fl-għaqdiet letterarji b’mod attiv, impenjattiv u kreattiv. L-għaqdiet naħseb li huma importanti ħafna. Jiena kelli ħafna opportunitajiet naqra xogħlijiet minn tiegħi f’diversi attivitajiet ma’ Malta u Għawdex (naturalment bħal ħafna oħrajn). Dan tani l-opportunità wkoll nisma’ xogħlijiet ta’ oħrajn li xi wħud minnhom kienu barranin.

     10.  Spiss kellek kuntatti ma’ kittieba u poeti barranin. Xi tgħid dwar opportunitajiet bħal dawn?

Naturalment, minn kull bniedem tista’ titgħallem u titgħallem l-aktar meta dan jew din ikunu ġejjin minn kultura differenti. L-aktar kuntatti importanti kienu ma’ Paola De Maestri u ma’ żewġha Gabriele Tonelli (Taljani minn Sondrio) li huma poetessa u kittieb, ma’ Alberto Figliolia (Taljan minn Milan) poeta u politiku li jikteb ukoll dwar l-isport, u Clirim Muca (Albaniż li jgħix l-Italja) li hu poeta u pubblikatur. Dawn il-persuni kelli kuntatt magħhom meta kont segretarju internazzjonali tal-Għaqda Poeti Maltin.

     11.  Qatt ippubblikajt il-kitbiet jew versi tiegħek f’ġabra għaliha taħt ismek? Jekk iva, liema huma l-pubblikazzjonijiet tieghek? Jekk le, għaliex dan? Għandek il-ħsieb li xi darba jew oħra tiġbor fi ktieb tiegħek għażla ta’ versi minn tiegħek?

Jiena qatt ma ppublikajt ktieb waħdi u din naturalment hija xewqa tiegħi. Barra l-poeżiji għandi kważi lesti ktieb għat-tfal, ieħor ta’ stejjer qosra kif ukoll ktieb umoristiku. ’Il quddiem, forsi fil-futur qarib, nippubblika xi wieħed minnhom.

Xogħlijiet tiegħi (poeżiji u stejjer qosra) jinsabu f’numru ta’ antoloġiji (madwar għaxra) kif ukoll f’gazzetti u rivisti.

     12.  Inti għalliem fil-qasam tat-Teknoloġija Informatika. Inti wkoll involut f’inizzjattivi reliġjużi. Kif torbot jew tirrikonċilja dan kollu mal-qasam tal-kitba u l-poeżija?

Fil-fatt għandi ftit poeżiji fuq il-kompjuter jew it-teknoloġija. Ktibt numru mhux ħażin ta’ talb u anki adorazzjonijiet sħaħ. Il-“Mulej” jissemma f’numru konsiderevoli ta’ poeżiji tiegħi (din hija karatteristika ta’ ħafna poeti f’pajjiżna). Kont bdejt nikteb ukoll (għalkemm waqaft) xi reċti sabiex nispjega kunċetti informatiċi bħall-‘jibbutja’ u ‘sistema operattiva’. Ideat naħseb li għandi mhux ħażin. Ħin xi ftit anqas.

Patrick Sammut