Tuesday, April 29, 2014

Intervistat Carmel Scicluna

1.     Meta u fejn twelidt? Meta bdiet il-ħajra tiegħek biex tikteb?


Twelidt Ħal Qormi fid-29 ta’ Jannar, 1969. Il-ħajra biex nikteb bdiet bikri qatigħ. Ta’ 13-il sena kont naqleb għall-Malti dak li jogħġobni bl-Ingliż, u nieħu gost nipprepara l-komponimenti. Dan l-aħħar, jien u nqalleb f’kabord, sibt ktejba fuq tifel ta’ erbatax-il sena li jkollu ġibda sesswali lejn tifel ieħor. Kont ktibtha fir-Raba’ Sena tas-Sekondarja.




      2.     Fil-qosor: liema huma x-xogħlijiet ippubblikati tiegħek?

Ix-xogħlijiet li ppubblikajt minn buti:
Miktuba max-Xitan (stejjer, 1995); Għall-Imħabba ta’ Lesbjana (stejjer, 1997); In-Nofs Mudlam (rumanz, 2004).  
Ossessjoni (rumanz, 2013) kien ippubblikat mill-Merlin.
Rumanzi li tajt bħala donazzjoni lil-Librerija Ċentrali ta’ Belt is-Sebħ:
Miss Wilma (stejjer, 2011); Lavberds (2012); Barney l-Ispiżjar (rumanz, 2012); Jasmina (poeżiji, 2013).

      3.     Kemm toħroġ l-influwenza ta’ raħal twelidek fil-kitbiet tiegħek?

Raħal twelidi ma tantx nagħtih importanza. Miniex marbut miegħu. Fejn noqgħod hu altament inkwinat u sovrapopolat.  F’In-Nofs Mudlam semmejt Ġnien Santu Kruċ u Ossessjoni hu ambjentat kollu kemm hu n-naħa ta’ San Sebastjan, Ħal Qrmi.

      4.     Kemm huwa importanti l-qari għalik? Liema kittieba Maltin u barranin ħallew marka               solida fuqek?

Il-qari jiswa mitqlu deheb. L-awtur ma jistax jiftaħar li ma jaqrax u jikteb ħafna. Bis-saħħa ta’ Oliver Friggieri bnejt il-librerija tiegħi u ssoktajt nimtela bil-passjoni għall-qari kolt u l-kitba letterarja. Ġorġ Mifsud Chircop kien jikkoreġini u għallimni nikteb sentenza sura ta’ bniedem bil-Malti. Mario Azzopardi kien il-mentor tiegħi fit-tmien snin li kont irrodd sehmi fi Spektrum u Fokus, il-magazins soċjo-kulturali tal-Mument. Achille Mizzi ħalla impatt fuqi fejn tidħol il-poeżija. Kont naqra 60 ktieb kull sena; meta kelli t-tfal żgħar kont naqqast sew mill-qari imma meta tfarfru rġajt bdejt nirranka bħal dari. L-awturi barranin ta’ żgħożiti - Günther Grass, Gabriel Gárcia Márquez, Milan Kundera, Mario Vargas Llosa, Vladimir Nabokov, Salman Rushdie u Carlos Fuentes - b’xi mod jew ieħor influwenzawni żgur għax il-kotba tagħhom kont nikolhom.    

       5.     Fejn tasal l-influwenza ta’ kittieba oħra u fejn tibda l-laqta personali fil-kitbiet tiegħek?

Anton Grasso, l-ewwel awtur Malti li skoprejt meta kont tifel, immarka bil-goff il-juvenilia tiegħi. L-influwenza ta’ Oliver Friggieri titlajja fil-kitbiet ġurnalistiċi tiegħi u fl-ewwel stejjer ta’ żgħoriti li għadhom fil-kexxun.

6.    Bdejt ninfatam qajl qajl mill-influwenzi mal-medda tas-snin. Immaturajt fil-kitba meta qbiżt it-tletin sena tiegħi. Meta qrobt lejn l-erbgħin affermajt l-identita` personali u qtajtha li kien wasal iż-żmien li l-pubbliku jsir jafni aħjar.

Mingħajr kitba u qari tagħtini rasi. It-tnejn huma importanti indaqs. Missieri u ommi kienu bla skola. Ħadd minnhom ma kien iħeġġiġni biex naqra u nikteb meta kont tifel. U safrattant kont inġenninhom biex jixtruli l-kotba. Għadni iffissat. Il-mastrudaxxa bħalissa qed ikabbarli l-librerija tiegħi.
Jien ma sirtx kittieb biż-żmien - twelidt hekk.  
Kont għamilt perjodu twil nesperimenta, nikteb bil-għama u ma nippubblika xejn. Ridt inkun ċert li leħni kien tabilħaqq leħni qabel noħroġ għonqi fis-suq.
Nixtieq għadni naf nikteb bl-istess ħeġġa avventuruża, komika, imqarba u bla rażan ta’ dari imma ż-żmien iddixxiplinani ferm fl-arti tal-kitba.

       7.     Għalik liema hu l-iktar importanti: il-qari jew il-kitba? Għaliex?

L-esperjenzi qarsa, iċ-ċirkostanzi morri, il-mużi tiegħi u l-kotba li qrajt iddeċidew u se jiqbgħu jiddeċiedu n-naħa mudlama f’kitbiti. Hemm misterji li ma tifhimhomx fil-ħajja. Miniex separat, imdawwar bl-imħabba, Alla jagħtini ferħ qaddis il-ħin kollu, kulma mmiss b’idi jsir tad-deheb ... u safrattant fil-qiegħ tal-bir ta’ ruħi hemm niket eżistenzjali kbir, enimmi, dmugħ, xenqa miġnuna għal xiħaġa ogħla minni. Id-dinja nobgħodha għax iżżarma l-misterji. Il-ħajja tal-bnedmin tqabbadni tirja kurżita`. Inħossni aljen f’din is-soċjeta`.  Inġorr fuqi kundanna kafkeska. Fil-periferija. Ma nħobbx nitħallat u nissoċjalizza. Forsi għalhekk għamiltha l-missjoni tiegħi li nagħti vuċi lil min iħossu ħuta barra mill-ilma. 

       8.     Dik tiegħek hi letteratura li tidħol anki fl-iktar irkejjen mudlama tan-natura u l-                          komportament tal-bniedem. Xi tgħid dwar dan?

Meta kelli 13-il sena kont naqra wkoll lil Stephen King għax il-kotba tiegħu l-aktar li kienu jiġu f’idejja. Għalhekk l-ewwel żewġ kotba tiegħi jirriflettu tip ta’ letteratura li tinżel tajjeb man-nies għax divertenti u ‘ħafifa’ imma nieqsa minn dik ir-responsabbilta` lejn is-soċjeta`.
L-Universita` kont fil-Fakulta` tal-Mediċina. Imma moħħi kien dejjem fil-letteratura. Kont ġej u sejjer fl-uffiċċju tal-Prof Friggieri għall-pariri, insegwi x’kien qed jinkiteb bil-Malti, naqra bla nifs u nesperimenta b’diversi stili.
In-Nofs Mudlam jesperimenta b’din li int qed issejħilha ‘letteratura impenjata’. Il-letteratura li tissensazzjonalizza mhijiex ħobż għal snieni. Għadni nemmen wisq f’dik li Sartre isejħilha littérature engagée. 

        9.     Illum inti ppubblikajt kemm proża għall-adulti kif ukoll għaż-żgħażagħ, kif ukoll poeżija.           Liema qasam minn dawn jagħtik l-ikbar sodisfazzjon? Liema jirrikjedi l-ikbar impenn               min-naħa tiegħek?

Insibha diffiċli nwieġbek. It-tliet oqsma jagħtuni sodisfazzjon liemabħalu. Nistħajlek qed issaqsini lil min inħobb l-iktar minn uliedi. Sew fil-poeżija u sew fil-proża adulta u ġovanili  tiegħi hemm moħbijin bosta ħwejjeġ profondi tar-ruħ. It-tliet oqsma jirrikjedu impenji kbar u differenti. Qabel nippubblika nirrevedi kull xogħol sal-punt tal-ossessjoni patoloġika. 

       10.  Kif tista’ titjieb is-sitwazzjoni lokali rigward l-imħabba lejn il-ktieb u l-qari? X’taħseb                dwar dan?

Kif għadni kif issuġġerejt lill-onorevoli Evarist Bartolo fuq FB:  il-politiċi jistgħu jċedu ċappa mill-air-time tagħhom lill-awturi u lill-artisti lokali. Il-mezzi tax-xandir kollha jħallu barxa  mbierka jew misħuta fuq min isegwihom.  Iktar ma jsir riklamar effettiv lill-ktieb iktar se jinqara.  Il-politku jitkellem għall-platea u l-iblah isir iktar iblah; l-awtur jiftaħ ħalqu għax għandu xi jgħid u kapaċi jnaqqas il-bluha. 

       11.  Poplu li ma jaqrax hu poplu dgħajjef u li jista’ jiġi kkontrollat aħjar minn min imexxi. Kif        tirreaġixxi għal dan?

Id-dinja mimlija nies ma taqrax u ma taħsibx. Ħa nġiblek eżempju. Bergoglio laħaq Papa u kulħadd iparla u jgħid tiegħu. Igerbeb iż-żmien u ħadd ma jikkonfondi  li hawn mustaċċuni li janalizzawh  lingwistikament u jsibu xebgħa kontradizzjonijiet, ħofor, ambigwitajiet u tagħlim kontra t-Tradizzjoni fid-diskorsi tiegħu. Il-profeti t’Alla ta’ żmienna jgħidu li hu anti-papa u t-tir tiegħu hu li jkisser il-Knisja ta’ Kristu. Ġurnalisti Kattoliċi Taljani jgħarbluh u jikxfuh! U f’Malta? Pappagalli jirrepetu lill-gazzetti u lill-kapijiet tal-istituzzjonijiet.

       12.  L-assenza tal-kittieb u ħassieb veru  – jew kważi – fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni. Xi tgħid        dwar dan?

L-assenza tal-kittieb u tal-ħassieb tinħass sewwa fil-mezzi tax-xandir. M’hawn ideat ġodda ċċirkolati li huma riżultat ta’ ħsieb profond u qari.
Il-mażuni Maltin ixandru ideali mażoniċi mill-oqsma tagħhom u ma jinduna ħadd. Il-politiċi jitmellħu f’wiċċ kulħadd bla biża’ ta’ xejn.  U riħa miżża dejjem tielgħa mill-għadira tal-kompjaċenza u l-platitudnijiet! Il-pajjiż hu mejjet intellettwalment u spiritwalment.   

13. Carmel Scicluna: bħala miżżeweġ u missier, fuq il-post tax-xogħol u bħala passatempi. Xi tgħidilna?

Iż-żwieġ tiegħi għadda minn ħemel taqlib u kemm-il darba wasal fix-xifer imma s’issa l-fidi tiegħi fi Kristu u l-kuruna tar-rużarju salvawh.
Għandi l-kbir għandu 13-il sena u ż-żgħira 8 snin.
Passatempi m’għandix ħin għalihom u nibża’ minnhom għax jisirquli mill-ħin tal-qari u tal-kitba.
U saddadt 20 sena ma’ Tas-Sanita`.