Saturday, June 20, 2015

Aktar kotba ta' Geronimo maqlubin għall-Malti

It-Tieni Sett tal-Avventuri ta’ Stilton għat-Tfal

(tradotti għall-Malti minn Charles Briffa)

Għeżież tfal ħbieb, merħba fid-dinja ta’ Geronimo Stilton

L-istejjer ta’ Geronimo Stilton tant kienu suċċess bil-Malti li kellhom joħorġu sitta oħra.

Geronimo Stilton huwa ġurdien li jmexxi gazzetta, imma l-vera passjoni tiegħu hija l-kitba ta’ stejjer tal-avventura. Joqgħod fil-Belt ta’ New Mouse, il-kapitali ta’ Gżiret il-Ġrieden, u l-kotba tiegħu huma kollha best-sellers! L-istejjer tiegħu huma tad-daħk, tad-daħk b’mod famaws. Huma ħrejjef tajbin li jġagħluk tilgħaq il-mustaċċi, żgur!

Charles Briffa reġa’ qaleb sitta oħra minn dawn l-avventuri għall-Malti li ġew ippubblikati minn Miller Distributors Ltd f’Ġunju 2015. Il-kotba huma maħsubin għall-qarrejja ż-żgħar ta’ bejn is-6 snin u t-12-il sena, u t-traduttur ipprova kemm seta’ jżomm il-Malti għal-livell ta’ din il-brekit ta’ etajiet. Is-sitt kotba bil-Malti huma dawn:

Il-Fantażma tas-Subway

F’ġieħ il-ġobon tat-toqba! Kien hemm fatat jidher fil-mini tas-subway tal-Belt ta’ New Mouse. Mustaċċija jibdew jirtogħdu naħseb biss fuqu! Imma kont naf li kelli nġib l-iscoop* għal Il-Gazzetta tal-Gerriem. U allura tlaqt ninvestiga. Ma kontx naf li kont se nieħu l-akbar qatgħa ta’ ħajti – għax il-fatat inzerta kien QATTUS!

*scoop hija biċċa aħbar li gazzetta xxandar qabel ir-rivali tagħha

It-Teżor il-Mitluf tal-Għajn ta’ Żmerald

Kollox beda meta oħti, Thea, sabet mappa qadima misterjuża. Kienet turi teżor sigriet moħbi fuq gżira ’l bogħod. F’ħakka t’għajn, oħti ġibdet lili u lill-kuġin Trap fil-kaċċa għat-teżor. Kienet avventura li qatt ma ninsa...


Pizez Ħomor għal Konti Blu


Il-kuġin tiegħi huwa troublemaker, u darba nqabad fi Transratanja! U qabel ma stajt inwerżaq waħda, oħti, Thea, karkritni magħha fuq missjoni ta’ salvataġġ. Ma konniex nafu li Transratanja kienet l-art tal-friefet il-lejl vampiri! F’ġieħ il-ġobon, il-friefet il-lejl iqajmuli ġismi xewk xewk! Għala? Għax farfett il-lejl iħobb ideffes snienu f’xi ġurdien tajjeb kollu meraq...

L-Attakk tal-Qtates Furbani

Maqbudin mill-qtates! Din hija l-agħar esperjenza ta’ kull gerriem. Kollox beda meta kuġinuwi Trap ikkonvinċieni biex ningħaqad miegħu għat-tfittxija tal-gżira leġġendarja miksija bil-fidda. Tlaqna b’balloon tal-arja sħuna. Imma qabel ma stajt tgħid “ġobon sħun fuq toast”, konna attakkati minn ġifen ta’ qtates pirati! Immawsnappjawna u heddewna li se jikluna. Tgħid naħarbu... jew se nispiċċaw fis-soppa?

Dan Kollu Minħabba Kikkra Kafè


Jien, Geronimo Stilton, kont qed inħobb lil xi ħadd! Kont f’ħanut tal-kafè għodwa waħda meta lmaħt l-aktar gerriema sabiħa fid-dinja kollha. Sfortunatament, mal-ewwel tfixkilt u spiċċajt b’denbi maqbud fit-toaster. Kont ġurdien muġugħ ħafna! Imma xorta ridt nuriha mħabbti. Allura mort mal-familja tiegħi fuq vjaġġ għat-Tmien Meravilja tad-Dinja! Hemmhekk għamilt sejba tal-għaġeb, tant li kont naf li se nirbaħ il-qalb tal-għażiża ġurdiena tiegħi...

Vaganza Favumawsa għal Geronimo

Kultant businessmouse li jkun imħabbat daqsi jkun jeħtieġ btala sabiħa ta’ mistrieħ. Imma fost ix-xorti mgħarrqa tal-firien – kull darba li ppruvajt immur holiday, jiġini xi diżastru! Meta fl-aħħar irnexxieli nitlaq minn Il-Gazzetta tal-Gerriem, il-vjaġġi s-sbieħ kollha kienu diġà bbukkjati. U sibt ruħi mwaħħal f’ħotel qadim mimli briegħed, u kelli nixxerja kamra ma’ ċorma Ġerbils Scouts! Kelli seba’ mitt sena biex immur lura lejn dik it-toqba komda tiegħi fil-belt...